12,634 tifel u tifla bdew jattendu SkolaSajf 2026 f’54 ċentru madwar Malta u Għawdex. Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, żar iċ-Ċentru ta’ SkolaSajf ta’ San Ġwakkin f’Marsaskala, fejn iltaqa’ mat-tfal, l-edukaturi u l-ħaddiema li qed iwasslu dan is-servizz u segwa mill-qrib l-attivitajiet li qed jiġu organizzati bħala parti mill-programm ta’ SkolaSajf.
SkolaSajf 2026 se jitwassal permezz ta’ 54 ċentru, li jinkludu 45 ċentru mainstream f’Malta, ħamsa f’Għawdex u erba’ Resource Centres, bl-impenn ta’ 2,761 edukatur, dan b’investiment ta’ €7.4 miljun.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li SkolaSajf jibqa’ wieħed mis-servizzi ewlenin li jappoġġjaw kemm lit-tfal kif ukoll lill-familji matul il-vaganzi tas-sajf.
“Permezz ta’ SkolaSajf qed inkomplu ninvestu fit-tfal tagħna billi noffrulhom ambjent anqas formali, sigur u stimulanti fejn jistgħu jitgħallmu, jesploraw u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom anke matul il-vaganzi tas-sajf. Fl-istess waqt, dan is-servizz jibqa’ sostenn importanti għal studenti u eluf ta’ familji, b’mod partikolari għall-ġenituri li jaħdmu. Dan l-investiment huwa xhieda tal-impenn tagħna li nkomplu nipprovdu servizzi ta’ kwalità li jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-familji Maltin u Għawdxin,” qal il-Ministru Byron Camilleri.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES), Michael Bondin, saħaq li matul it-tmien ġimgħat ta’ SkolaSajf, l-istudenti se jgawdu minn programm mimli attivitajiet. Huwa qal li kważi 13,000 student, għal darb’oħra, urew il-fiduċja tagħhom f’SkolaSajf billi għażlu li jkunu parti minn din l-avventura. Bondin spjega li t-tema ta’ din is-sena, “Reach for the Stars”, tħeġġeġ lill-istudenti jilħqu l-ambizzjonijiet tagħhom permezz tal-attivitajiet u l-kollaborazzjonijiet li jiġu organizzati matul il-programm. Huwa temm billi stieden lit-tfal biex jingħaqdu ma’ SkolaSajf u jgawdu din l-esperjenza flimkien.
Bit-tema “Reach for the Stars”, l-edizzjoni ta’ din is-sena tħeġġeġ lit-tfal jesploraw il-potenzjal tagħhom permezz ta’ programm varjat ta’ attivitajiet mhux formali li jrawwem il-kreattività, il-kurżità, il-kunfidenza u l-ħidma f’tim. Il-programm huwa organizzat mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) flimkien mas-sħab tagħha.
Il-Ministru rringrazzja lill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, lill-edukaturi u lill-ħaddiema kollha involuti għall-impenn tagħhom sabiex SkolaSajf ikompli joffri esperjenza pożittiva u ta’ kwalità lil eluf ta’ tfal madwar Malta u Għawdex.
SkolaSajf 2026 se jibqa’ għaddej sal-11 ta’ Settembru, b’waqfa bejn l-10 u l-14 ta’ Awwissu. Is-servizz ewlieni jingħata mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8:30am u n-12:30pm, filwaqt li f’ċentri magħżula qed jiġi offrut ukoll servizz estiż bejn is-7:00am u t-8:30am kif ukoll bejn in-12:30pm u l-5:30pm, sabiex ikompli jappoġġja lill-ġenituri li jaħdmu.
