Friday, July 17, 2026
Home Sport Malta tospita l-ewwel avveniment tal-‘Inter The Opus World Tour’

Malta tospita l-ewwel avveniment tal-‘Inter The Opus World Tour’

0
2

Malta se tospita l-ewwel avveniment tal-‘Inter The Opus World Tour’ illum il-Ġimgħa, 17 ta’ Lulju, u se toffri lill-dilettanti lokali tal-futbol, ​​kollezzjonisti u dilettant tal-isports opportunità unika biex jiskopru dan il-proġett ta’ pubblikazzjoni eċċezzjonali.

‘Inter The Opus’ hija pubblikazzjoni prestiġjuża għall-kollezzjonisti mill-marka Opus, magħrufa mad-dinja kollha, li tiċċelebra l-istorja glorjuża ta’ Inter permezz tal-mumenti l-aktar ikoniċi tagħha.

Qabel it-tnedija uffiċjali, ġiet organizzata konferenza stampa mit-Tim ta’ ‘Inter The Opus’ f’lukanda ewlenija fil-Mellieħa bil-parteċipazzjoni tal-leġġenda ta’ Inter Beppe Baresi, li matulha kelliema ewlenin fost oħrajn ippreżentaw dan il-proġett notevoli u ddeskrivew l-attivitajiet ippjanati għall-avveniment ta’ Malta.

Indirizzaw din il-konferenza stampa l-imħuħ ewlenin wara dan il-proġett – il-missier u l-iben, Tony u Warren Meilaq – partitarji ferventi ta’ Inter.

Huma saħqu li jemmnu bis-sħiħ f’dan il-proġett u jemmnu li se jkun tassew suċċess, filwaqt li tennew li t-twelid ta’ dan il-proġett huwa wkoll grazzi għar-relazzjoni ferm ottima li teżirti bejnhom u l-ogħla strutturi ta’Inter fosthom mal-President u Viċi-President ta’ Inter, Giuseppe Marotta u Javier Zanetti, li lkoll nafu kemm għandu relazzjoni mill-qrib ma’ pajjiżna.

Tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Opus, Karl Fowler, li meta mistoqsi minn dan is-sit rigward il-partikolaritá għaliex għażlu lil Malta bix iniedu dan il-proġett, huwa ma ħasibhiex darbtejn biex qal li pajjiżna jippossjedi kollox fosthom storja, kulturá u klima mill-aqwa. Huwa afferma li permezz ta’ dan il-proġett, Opus, iridu jedukaw u jispiraw lil tant persuni.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas tkellem l-eks plejer leġġendarju ta’ Inter Beppe Baresi li qal li din hija r-raba’ darba tiegħu f’pajjiżna u li kull darba li jżur Malta jaffaxxina ruħu bis-sbuħija li tippossjedi din il-gżira.

Mistoqsi minn dan is-sit rigward x’jaħseb minn Inter għall-istaġun li ġej, anke wara l-istaġun memorabbli li għadda taħt il-ġestjoni tal-kowċ Christian Chivu, huwa qal li l-affarijiet qed jidhru sbieħ u li n-Nerazzurri mistennija jkomplu fejn ħallew matul l-istaġun li għadda, anke grazzi għal dan il-kowċ bravu li qed jirnexxielu jittrażmetti l-filosofija u l-kariżma uniċi tiegħu lil dan il-klabb.

Huwa kompla li jemmen li fadal xi rtokki xi jsiru fl-iskwadra u li għandhom jawguraw staġun ieħor ferm pożittiv għal Inter u għall-partitarji kollha ta’ dan il-klabb imxerrdin madwar id-dinja fosthom f’pajjiżna.

Il-missjoni ta’ Opus hija li tipproduċi pubblikazzjonijiet definittivi li jinkludu l-aqwa kittieba, stampi tal-għaġeb murija fuq skala epika u ppreżentati f’format lussuż u ddisinjat b’mod sabiħ.

Kemm jekk qed tonora ġganti tal-futbol bħal Manchester United FC u Inter FC, tiċċelebra x-xogħol tal-ikona tal-moda Vivienne Westwood jew tirrevedi l-istorja affaxxinanti ta’ Ferrari jew l-F1, Opus twiegħed li twassal l-istorja bl-aktar mod uniku u ċinematografiku.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jaċċessa s-sit elettroniku, www.thisisopus.com.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here