Andy Burnham ħa post Keir Starmer bħala l-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista Ingliż. Dan ifisser li huwa daqt se jkun qiegħed jinħatar bħala Prim Ministru tar-Renju Unit – is-seba’ wieħed f’dawn l-aħħar 10 snin.
Għalkemm Burnham inħatar bħala mexxej Laburista illum, il-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru se ssir nhar it-Tnejn li ġej. Dakinhar il-proċess se jibda bi Starmer jiltaqa’ mar-Re Karlu III biex formalment joffri r-riżenja tiegħu bħala Prim Ministru.
Ir-Re mbagħad jiltaqa’ ma’ Burnham, fejn se jitolbu sabiex jifforma Gvern. Ladarba Burnham jaċċetta, huwa se jsir uffiċjalment il-Prim Ministru tar-Renju Unit.
Iż-żewġ laqgħat normalment isiru fil-Palazz ta’ Buckingham. Wara dan, Burnham se jmur Downing Street, fejn mistenni li jagħmel diskors barra l-uffiċċju tiegħu.
Kif wasalna s’hawn?
Starmer kien rebaħ l-elezzjoni ġenerali b’maġġoranza kbira sentejn ilu, iżda beda jitlef l-appoġġ tal-pubbliku fi żmien ftit ġimgħat wara sensiela ta’ żbalji fil-politika u bidliet fil-pożizzjoni tiegħu.
L-aħħar daqqa ta’ ħarta għal ħafna deputati Laburisti waslet meta l-partit tal-lemin Reform UK kiseb rebħa fl-elezzjonijiet lokali f’Mejju u dan wassal għat-tħassib ta’ ħafna minnhom li l-mexxej ta’ dan il-partit Nigel Farage, seta’ jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Burnham kien ilu jingħad li kellu ambizzjoni li jsir mexxej tal-Partit Laburista iżda seta’ jikkontesta għat-tmexxija biss jekk ikun deputat fil-Parlament. Huwa rritorna fil-Parlament ix-xahar li għadda permezz ta’ by-election.
Persuni oħra prominenti fi ħdan il-Partit Laburista Ingliż ukoll warrbu l-ambizzjonijiet tagħhom u appoġġjaw lil Burnham, flimkien mal-maġġoranza kbira tad-deputati tal-partit. Dan witta t-triq biex Burnham isir il-mexxej il-ġdid Laburista mingħajr ma jkun ikkontestat.
Fir-Renju Unit, il-Prim Ministru ma jiġux eletti direttament mill-poplu, kif jiġri fil-każ tal-Presidenti tal-Istati Uniti jew ta’ Franza. Minflok il-Prim Ministru jkun il-mexxej tal-partit li jkollu l-akbar numru ta’ deputati fil-House of Commons.
