Aktar minn 16,000 vettura twaqqfu mill-Pulizija waqt madwar 720 kontroll tat-traffiku (road checks) li saru f’diversi toroq madwar Malta u Għawdex bejn Ġunju u Settembru li għadda.
Din il-ħidma, li twettqet minn diversi sezzjonijiet tal-Korp tal-Pulizija kemm matul il-ġurnata kif ukoll billejl, tifforma parti mill-isforzi kontinwi biex tissaħħaħ is-sigurtà fit-toroq, jiġu identifikati sewwieqa li jiksru r-regolamenti u jitnaqqsu r-riskji għal dawk kollha li jużaw ittoroq.
Filwaqt li l-maġġoranza assoluta tas-sewwieqa nstabu konformi mar-regolamenti tat-traffiku, il-Pulizija ħarġet madwar 880 taħrika u 104 akkużi. Saru wkoll 98 test fuq persuni suspettati li kienu qed isuqu taħt l-effett tad-droga jew tal-alkoħol, li minnhom 16-il persuna rriżultaw pożittivi għall-alkoħol.
Fost l-aktar kontravenzjonijiet komuni kien hemm is-sewqan mingħajr liċenzja u/jew polza talassigurazzjoni, in-nuqqas ta’ użu taċ-ċintorin tas-sigurtà, l-użu tal-mowbajl waqt is-sewqan, kif ukoll ksur ieħor tar-regolamenti tat-traffiku.
Il-kontrolli tat-traffiku se jkomplu fil-ġranet u x-xhur li ġejjin, filwaqt li l-Pulizija tappella lissewwieqa kollha josservaw ir-regolamenti tat-traffiku u jsuqu b’responsabbiltà b’rispett lejn ħajjithom u l-ħajja ta’ dawk kollha li jużaw it-toroq.
