Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia pparteċipat f’konferenza ta’ livell għoli f’Dublin, l-Irlanda, dwar ir-rwol tat-teknoloġija assistiva u tat-teknoloġija diġitali aċċessibbli fit-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità. Il-konferenza saret bħala parti mill-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Din il-parteċipazzjoni offriet opportunità biex Malta taqsam l-esperjenzi tagħha u tikkontribwixxi għad-direzzjoni Ewropea f’dan il-qasam. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq kif it-teknoloġija tista’ tgħin lill-persuni b’diżabilità jikkomunikaw, jistudjaw, jaħdmu u jgħixu b’aktar indipendenza, filwaqt li jiġu indirizzati ostakli marbuta mal-ispiża u mad-disponibbiltà tagħha.
Il-Ministru Farrugia ħadet sehem fir-roundtable strateġika “Towards a European Vision for Assistive Technology 2030”, flimkien ma’ rappreżentanti mill-Irlanda, il-Litwanja u l-Ġermanja. Hawn ġew diskussi l-kisbiet, inkluż f’Malta, tul l-aħħar snin, it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni Ewropea bejn il-gvernijiet, ir-riċerkaturi, l-industrija, il-fornituri tas-servizzi u l-persuni b’diżabilità, u l-prijoritajiet Ewropej għas-snin li ġejjin.
Fl-interventi tagħha, il-Ministru saħqet fuq il-ħtieġa li l-aċċessibbiltà tkun parti mit-tfassil tat-teknoloġija u tal-politika ta’ kull Gvern sa mill-bidu. Enfasizzat ukoll li l-persuni b’diżabilità u l-għaqdiet li jirrappreżentawhom għandhom ikunu msieħba attivi fl-iżvilupp u fl-evalwazzjoni tas-soluzzjonijiet li jolqtu direttament ħajjithom.
“It-teknoloġija assistiva tista’ tagħmel differenza konkreta fil-ħajja ta’ persuna. Din tippermettilha tesprimi x-xewqat tagħha, tieħu d-deċiżjonijiet tagħha u tipparteċipa aktar fil-komunità. L-impenn tagħna huwa li aktar persuni jkollhom aċċess għall-għodod u l-appoġġi li jeħtieġu biex jeżerċitaw dawn id-drittijiet. Irridu wkoll soċjetà li tifhem u tirrispetta l-modi differenti kif persuna tikkomunika,” qalet il-Ministru Julia Farrugia.
Matul il-konferenza, il-Ministru ppreżentat il-ħidma li qed issir f’Malta permezz tal-Aġenzija Sapport, fosthom l-assessjar tal-ħtiġijiet individwali, ir-rakkomandazzjoni ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi u t-taħriġ fl-użu tagħhom. Hija spjegat li fl-aħħar ħames snin, l-Access to Communication and Technology Unit tal-Aġenzija appoġġjat kważi elf persuna. Semmiet ukoll kif il-kollaborazzjoni bejn l-Istat u The Malta Trust Foundation tkopri l-ispiża tal-apparat ta’ komunikazzjoni awmentattiva u alternattiva meħtieġ, b’kull parti tiffinanzja nofs l-ispiża.
Il-Ministru għamlet ukoll żjara fil-Google Accessibility Discovery Centre f’Dublin, fejn setgħet tara mill-qrib teknoloġiji aċċessibbli u soluzzjonijiet li jgħinu biex jitneħħew ostakli li jiltaqgħu magħhom il-persuni b’diżabilità. Iż-żjara offriet opportunità biex jiġu eżaminati eżempji prattiċi ta’ kif l-aċċessibbiltà tista’ tiġi integrata fil-prodotti u fis-servizzi diġitali, inkluż potenzjalment anke permezz ta’ kollaborazzjoni f’Malta fil-futur.
Il-Ministru Farrugia segwiet addizzjonalment dimostrazzjonijiet ta’ apparat ta’ komunikazzjoni speċjalizzat, ta’ apparat ieħor assistiv, kif ukoll strateġiji bħal Assistive Technology Passports, minn numru ta’ għaqdiet Irlandiżi differenti f’dan il-qasam, bħal AsIAm u RehabGroup. Ftit minn dawn l-għaqdiet diġà jaħdmu mill-qrib mal-Aġenzija Sapport fuq proġetti u inizjattivi oħra.
“Dawn l-iskambji għenuna naraw mill-qrib prattiċi li jistgħu jsaħħu l-ħidma tagħna f’Malta. Fil-qalba ta’ kull innovazzjoni għandu jkun hemm il-persuna u l-għażliet tagħha. B’rabta mal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Diżabilità u l-Viżjoni Malta 2050, ser inkomplu naħdmu biex l-iżvilupp diġitali jsaħħaħ l-awtonomija tal-persuni b’diżabilità u l-opportunitajiet tagħhom li jgħixu ħajja indipendenti fil-komunità,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia.
Id-delegazzjoni Maltija mmexxija mill-Ministru kienet tinkludi lis-Segretarju Permanenti Stephanie Rocco u lil Dr Alistair de Gaetano, bħala espert fis-settur. Id-delegazzjoni ltaqgħet, fost l-oħrajn, mal-Prim Ministru Irlandiż Micheál Martin, il-Ministru għall-Ugwaljanza Norma Foley, il-Ministru tal-Istat responsabbli mid-Diżabilità, Emer Higgins, u rappreżentanti ta’ diversi għaqdiet Ewropej bħall-European Disability Forum, Inclusion-Europe u l-European Union of the Deaf.
