L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, irrappreżenta lill-Parlament ta’ Malta fil-kommemorazzjonijiet uffiċjali tas-70 anniversarju tar-Rivoluzzjoni Ungeriża tal-1956, f’Budapest, fuq stedina tal-Parlament tal-Ungerija.
It-23 ta’ Ottubru huwa jum ta’ importanza storika għall-poplu Ungeriż, li jfakkar il-bidu tar-rivoluzzjoni tal-1956, meta eluf ta’ ċittadini qamu kontra l-ħakma Sovjetika biex jitolbu l-libertà, id-demokrazija u l-indipendenza ta’ pajjiżhom. Għalkemm ir-rivoluzzjoni ġiet imrażżna bil-forza, baqgħet simbolu tal-kuraġġ u tad-determinazzjoni tal-poplu Ungeriż fil-ġlieda tiegħu għal-libertà.
Matul din l-okkażjoni, l-Ispeaker Abela ltaqa’ u ddiskuta diversi temi mal-ogħla awtoritajiet tal-Ungerija, fosthom mal-President tar-Repubblika, mal-Prim Ministru u mal-Ispeaker tal-Parlament Ungeriż. Huwa ltaqa’ wkoll mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, kif ukoll ma’ bosta Speakers ta’ parlamenti u personalitajiet oħra li rrappreżentaw pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali differenti.
L-Ispeaker Abela esprima l-apprezzament tiegħu għall-fatt li l-Parlament ta’ Malta kien fost il-parlamenti mistiedna jipparteċipaw f’din l-okkażjoni storika. Huwa sostna li l-preżenza ta’ Malta f’kommemorazzjonijiet bħal dawn hija importanti bħala turija ta’ rispett u solidarjetà bejn il-popli, filwaqt li sservi biex tfakkar li l-libertà u d-demokrazija huma valuri li jeħtieġ li jibqgħu jiġu mħarsa u msaħħa.
L-Ispeaker Abela tenna li dawn l-okkażjonijiet, minbarra s-sinifikat storiku tagħhom, joffru opportunità importanti biex il-Parlament ta’ Malta jkompli jsaħħaħ il-kuntatti u r-relazzjonijiet tiegħu ma’ parlamenti u istituzzjonijiet internazzjonali oħra. Huwa enfasizza li d-diplomazija parlamentari għandha rwol essenzjali fit-tisħiħ tad-djalogu, tal-kooperazzjoni u tar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi.
