“Jekk tara l-ammont li se nkunu qed ninvestu fin-nies fil-Budget ta’ nhar it-Tnejn, allura nistgħu ngħidu li se nkunu qed inressqu quddiem il-poplu budget aktar b’saħħtu minn ta’ qabel.”
Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed imexxi laqgħa tal-Kabinett kif ukoll tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern fil-Berġa ta’ Kastilja. Il-Prim Ministru Robert Abela fakkar li l-Budget ta’ nhar it-Tnejn se jitressaq f’kuntest ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi, bi sfidi qawwija li l-Ewropa u d-dinja ftit li xejn rat bħalhom.
“Li nippreżentaw Budget f’kuntest ta’ kriżijiet internazzjonali huwa normali. Biżżejjed ngħid li kull wieħed mis-seba’ budgets li ressaq il-Gvern kemm ili Prim Ministru, kollha saru f’ambitu ta’ sfidi,” qal Dr Abela.
Huwa kompla billi saħaq li hija l-ekonomija b’saħħitha f’Malta li tippermetti lill-Gvern jinvesti fin-nies. Fakkar li t-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna huwa ta’ madwar 4% u ddeskriva dan it-tkabbir bħala wieħed sostenibbli.
Dr Abela nnota kif, filwaqt li madwarna jiddominaw it-taqlib soċjali u l-problemi ekonomiċi, f’Malta tiddomina l-istabilità fost oħrajn grazzi għad-deċiżjoni tal-Gvern li jagħti garanzija ta’ sussidju fuq il-prezz tal-enerġija, b’investiment ta’ €400 miljun dis-sena u €400 miljun oħra s-sena d-dieħla.
Huwa wiegħed li l-Gvern se jibqa’ jkun ta’ sostenn għall-familji u n-negozji biex ikompli joffri stabbiltà daqstant kruċjali.
Il-Prim Ministru qal ukoll li dak ta’ nhar it-Tnejn se jkun budget differenti fl-istil, imma wkoll fil-kontenut.
“Dak li se nħabbru se jeħodna għall-2035 li hija waħda miż-żewġ miri bħala parti mill-Viżjoni Malta 2050. Se nagħmlu analiżi ċara ta’ fejn ninsabu llum u fejn irridu mmorru bħala pajjiż. Se jkun budget differenti fl-istil wkoll, għax se jkun iqsar u jiffoka aktar fuq il-prinċipji ġenerali tad-direzzjoni li se jieħu l-Gvern fis-snin li ġejjin,” kompla jgħid Dr Abela.
Huwa qal li fil-ġranet ta’ wara l-budget imbagħad ikunu l-Ministri li jidħlu f’aktar dettall, settur b’settur.
“Se nżommu lill-poplu protett. Bi kburija ngħid li aħna qed noffru l-istabilità li mhux joffri ħaddieħor. U l-istabilità li qed tiddomina f’Malta tibqa’ wkoll grazzi għall-bżulija tal-poplu u l-ħidma tan-negozji,” temm jgħid il-Prim Ministru.
