Fil-preżent f’Malta hawn 217-il tifel u tifla li qed jgħixu ma’ foster families f’Malta. Minn dan l-għadd, 118-il tifel u tifla jinsabu f’arranġamenti ta’ permanenza fil-kura alternattiva, filwaqt li 25 persuna li qabżu t-18-il sena għadhom jirrisjedu mal-foster carers tagħhom.
Bejn l-2021 u l-2026, 22 tifel u tifla ġew adottati mill-foster carers tagħhom, filwaqt li 4 adozzjonijiet ġew iffinalizzati matul is-sena 2026. Fl-istess sena, ġew irreġistrati 12-il fostering placement ġdid.
Dawn id-dettalji ħabbarhom il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon f’konferenza organizzata mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) u li għaliha attendew numru ta’ Foster Carers li qasmu l-esperjenza tagħhom kif ukoll professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam.
Il-Ministru Michael Falzon qal li hemm istanzi fejn tfal ma jistgħux jibqgħu jgħixu mal-ġenituri bioloġiċi tagħhom, u hawn fejn jidħlu l-foster carers li tant juru dedikazzjoni u missjoni sabiex irabbu lit-tfal. Huwa stqarr li l-Gvern jemmen bis-sħiħ fil-fostering u anke l-adozzjonijiet, u huwa propju għalhekk li ta’ kull sena jippjanaw miżuri li jgħinu l-ġenituri sabiex jiffaċilitaw ħajjithom.
Il-Ministru Falzon spjega li mis-sena d-dieħla persuni li jaħdmu u li jibdew jiffosterjaw, se jkollhom dritt għal leave addizzjonali ta’ 10 ijiem ta’ xogħol, jiġifieri l-ekwivalenti tal-leave tal-paternità, li se jagħmel tajjeb għalih il-Gvern, sabiex dawn il-persuni jingħataw iċ-ċans li jagħmlu ftit żmien ta’ bonding mat-tfal fdati lilhom. Semma wkoll iż-żidiet konsekuttivi fl-Allowance għal Fostering, b’ammont li jilħaq €6,760 fis-sena.
Waqt din il-konferenza ġew mitkellma esperjenzi personali ta’ ġenituri li laqgħu fi ħdanhom tfal illi jkunu f’kura alternattiva. Hawn tkellmu kif l-esperjenza tagħhom għenet lit-tfal jaħdmu fuq l-iżvilupp emozzjonali, l-imġiba u r-relazzjonijiet ma’ dawk l-aktar viċin tagħhom. Ġenituri ta’ tfal fostered appellaw biex aktar persuni jidħlu għal din il-missjoni li tant tagħti sodisfazzjon, imħabba u tħalli timbru uniku u pożittiv fil-ħajja tat-tfal.
Intant huma bosta dawk l-iskemi li jgħinu persuni jitħajru għall-fostering u dawn jinkludu ċ-Child in Care Benefit, is-Specialized Fostering Allowance, l-iskema ARMS, il-possibbiltà ta’ Fostering Trust Claim Leave, valutazzjonijiet bla ħlas għall-proċess ta’ adozzjoni, kif ukoll Adoption Grant għal tfal adottati taħt il-Kapitolu 602.
Fost is-servizzi ta’ sapport hemm ukoll professjonist mill-fostering team allokat lil kull familja, assessjar terapewtiku mill-Looked After Children Psychological Team, servizzi tas-saħħa, servizzi dentali, counsellor u family therapist interni, sessjonijiet terapewtiċi inizjali għal familji ġodda, sessjonijiet ta’ psychoeducation, gruppi ta’ sapport, taħriġ kontinwu, kif ukoll servizz ta’ għajnuna fuq il-linja 1778 disponibbli 24 siegħa kuljum.
