Friday, May 3, 2024

Aktar minn 30,000 persuna attendew għall-Malta AgriFair

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal li kien hemm aktar minn 30,000 persuna li attendew għall-Malta AgriFair li saret bejn il-Ġimgħa 20 ta’ Mejju u l-Ħadd 22 ta’ Mejju.

L-għan ewlieni tal-Malta AgriFair organizzata għall-ewwel darba mill-Ministeru, kien li jippromwovi prodotti lokali, makkinarju, sistemi, u żviluppi teknoloġiċi fis-setturi tal-agrikoltura, sajd u akwakultura.

Il-Ministru Refalo qal li dan ġab flimkien partijiet interessati ewlenin fil-qasam, minn organizzazzjonijiet kbar sa intrapriżi ta’ skala żgħira u medja (SMEs). Qal ukoll li l-Fiera pprovdiet pjattaforma kemm għall-komunità tal-biedja lokali, kif ukoll għall-produtturi u fornituri, biex jinfurmaw u jikkomunikaw lill-pubbliku dwar il-prodotti u s-servizzi tal-industriji. Kienet ukoll pjattaforma għal komunità tas-sajjieda u l-produtturi tal-ħut biex jesebixxu x-xogħol siewi li qed isir.

Waqt il-Fiera wieħed seta’ jifhem it-tifsira ta’ Farm to Fork, fejn is-sistema tal-katina tal-ikel tal-produzzjoni, il-ħsad, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-ikel kienet murija bl-aktar mod viżwali, innovattiv u interattiv. Apparti hekk, saru wkoll konsultazzjonijiet pubbliċi rigward il-bidja organika u l-ħarsien tal-annimali.

Il-Ministru Refalo ta dan it-tagħrif meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputata Laburista Amanda Spiteri Grech.

Sport