Tuesday, December 24, 2024

Aktar minn 50,000 kontenitur riċiklat sal-4.00 p.m. 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb bdiet titħaddem uffiċjalment mill-operatur liċenzjat BCRS Malta Ltd mil-lum. Dan hu l-qofol ta’ sforz kollettiv mill-komunità kummerċjali lokali f’dawn l-aħħar snin b’kollaborazzjoni mal-Gvern u skont ir-Regolamenti u Dispożizzjonijiet Legali rispettivi ta’ BCRS, approvati mill-Kummissjoni Ewropea, għall-ġbir ta’ kontenituri tax-xorb li jintużaw darba biss magħmulin minn Plastik, Metall u Ħġieġ ibbażat fuq Prinċipji effettivi tal-Ekonomija Ċirkolari. 

Talk.mt tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-BCRS Malta Ltd, l-Inġ. Edward Chetcuti, fejn qalilna li l-użu kien wieħed inkoraġġanti ħafna u li mill-mument li nxtegħlu l-magni, il-pubbliku mar jiddepożita l-kontenituri fil-magni. Qal li ċ-ċifra ta’ 50,000 kontenitur riċiklat intlaħqet sal-4.00 p.m. b’aktar minn 8,100 vawċer li nħareġ sa issa. 

L-Inġ. Chetcuti kompla jgħid li: “hekk kif il-magni bdew jaħdmu tard il-Ħadd filgħaxija, fi ftit minuti, in-nies kienu diġà qed jużaw il-magni. Fl-ewwel sagħtejn, kienu diġà rritornaw ftit eluf ta’ kontenituri. Dan in-numru qed jiżdied b’mod sostanzjali f’perjodu qasir peress li n-nies qed jikkonkorru lejn il-magni b’boroż ta’ kontenituri. Il-kolletturi ta’ BCRS qed jaħdmu bla waqfien biex ibattlu l-magni fil-pront u se jkomplu jagħmlu hekk kif meħtieġ.”

Mistoqsi liema kienu l-aktar popolari s’issa, hux fis-supermarkets jew barra, huwa qal li sa issa kellhom ritorni tal-kontejners simili ħafna bejn supermarkets u ċentri pubbliċi. Il-Kap Eżekuttiv ta’ BCRS Malta Ltd temm jgħid li l-mira għall-ewwel sentejn ta’ operat hi ġbir ta’ 70%, li jibda jiżdied għal 80%, 85% u 90% kull sena sal-2026.

Skont il-proċedura li daħlet fis-seħħ mill-bieraħ, il-magni se jkunu qegħdin jagħtu lill-konsumatur €0.10 f’vawċer li jista’ jiġi msarraf fi ħwienet li jbigħu dawn ix-xarbiet. Fil-każ ta’ vawċer maħruġ minn Reverse Vending Machine li qiegħda f’supermarket, dan il-vawċer ikun jista’ jissarraf biss kontra l-kont ta’ dak l-istess supermarket jew ħwienet oħra tal-istess supermarket. F’każ ta’ vawċer maħruġ minn Reverse Vending Machines li jkunu f’Public Recycling Hubs fil-lokalitajiet, dan jista’ jissarraf għand kwalunkwe ħanut li jbigħ dawn ix-xarbiet madwar Malta jew Ghawdex.

Ekonomija

Sport