Aktar minn 85 għaqda tal-logħob tan-nar lokali u internazzjonali se jieħdu sehem fil-Festival Internazzjonali tan-Nar ta’ Malta, bejn it-22 u t-30 t’April, fil-Port il-Kbir u f’Għawdex.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef ħabbru d-dettalji ta’ dan l-avveniment tant mistenni waqt konferenza tal-aħbarijiet is-Sibt filgħodu. Dan il-festival annwali mtella’ mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu huwa ċelebrazzjoni spettakolari tal-wirt pirotekniku tal-Gżejjer Maltin, li jgħaqqad flimkien it-tradizzjoni, l-arti u d-divertiment.
L-ewwel żewġ iljieli, b’diversi għaqdiet tan-nar lokali u internazzjonali jikkompetu f’kategoriji differenti, se jsiru fil-Port il-Kbir it-Tlieta 22 u l-Ġimgħa 25 t’April. Fit-tielet lejl, is-Sibt 26 t’April, il-Festival se jmur in-Nadur, Għawdex, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru t’Għawdex.
Fir-raba’ lejl, l-Erbgħa, 30 t’April, il-Festival jagħlaq fil-Port il-Kbir, hekk kif Malta tfakkar il-21 anniversarju mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Din is-serata finali se tinkludi wirjiet minn diversi timijiet tal-logħob tan-nar, fosthom l-Għaqda tan-Nar Kerċem, ir-rebbieħa tal-festival tas-sena li għaddiet, kif ukoll wirja finali b’sorpriża, li se tixgħel il-port storiku tal-Belt Valletta b’sinerġija ta’ piroteknika u innovazzjoni teknoloġika.
Għall-ewwel darba, il-Festival tan-Nar se jinkludi wkoll is-sehem ta’ baned minn diversi lokalitajiet, u b’hekk se jkompli jappoġġja element ewlieni ieħor tal-kultura Maltija.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg saħaq dwar l-importanza tal-festival bħala ċelebrazzjoni tal-wirt kulturali tal-pajjiż, filwaqt li jsaħħaħ il-Gżejjer Maltin bħala destinazzjoni li toffri esperjenzi ta’ kwalità u awtentiċi lil dawk li jżuruhom. “Il-Festival Internazzjonali tan-Nar huwa simbolu b’saħħtu tal-identità nazzjonali tagħna, u tal-ħila u d-dedikazzjoni lejn l-eċċellenza f’pajjiżna. Avvenimenti bħal dawn għandhom rwol kruċjali fid-diversifikazzjoni tal-prodott turistiku tagħna, li jsaħħu t-turiżmu kulturali u niċeċ oħrajn tal-industrija, b’kalendarju t’attivitajiet u esperjenzi li jikkonfermaw lil Malta bħala destinazzjoni li toffri attrazzjonijiet is-sena kollha,” qal Dr Borg.
“Il-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar ta’ Malta mhux biss joffri spettaklu mill-isbaħ li jiġbed l-attenzjoni ta’ eluf ta’ spettaturi, imma wkoll jgħin fil-promozzjoni ta’ pajjiżna fuq livell internazzjonali. Dan l-avveniment jgħaqqad it-tradizzjoni mal-innovazzjoni, waqt li jkompli jgħinna fil-pjan tagħna li nifirxu l-wasliet ta’ viżitaturi tul is-sena kollha. Kull sena, il-festival qed ikompli jikber u jżid il-valur tiegħu bħala parti essenzjali mill-kalendarju ta’ avvenimenti kulturali ta’ Malta,” stqarr l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-President tal-Għaqda Piroteknika Maltija Dr Godfrey Farrugia.