Għall-ewwel darba Malta ser ikollha security stewardsb’mod regolat, f’postijiet fejn isiru avvenimenti sportivi, li ser jikkumplimentaw ħidmet l-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija. Pulizija li f’dawn l-avvenimenti issa ser ikunu jistgħu jiffokaw aktar fuq id-dmirijiet ewlenin tagħhom (police core duties) bil-għan li l-familji Maltin u Għawdxin ikunu dejjem aktar siguri. Dan hekk kif Malta ser tkun qed taddotta proċeduri u prattiċi addottati f’pajjiżi Ewropej f’avvenimenti sportivi internazzjonali.
Dan permezz ta’ liġi li l-Gvern qed iressaq ’il quddiem u li kienet preżentata mozzjoni dwarha fil-Parlament, li ser twassal biex persuni mħarrġa u liċenzjati jkunu jistgħu jagħtu s-servizz tagħhom. Dan il-qafas regolatorju mhux biss għalhekk jintroduċi dawn l-istewards, imma jinkariga wkoll il-Korp tal-Pulizija, mil-liċenzjar kemm tal-aġenziji ta’ stewards tas-sigurtà kif ukoll tal-istewards innifishom. Dan flimkien mal-kriterji ta’ skwalifika tal-liċenzja u d-dmirijiet u l-obbligi kemm għall-aġenziji u għal stewards tas-sigurtà.
L-irwol ta’ dawn l-istewards ser ikun fost oħrajn li jikkontrollaw l-aċċess għall-postijiet tal-isport u jużaw tagħmir elettroniku biex jiċċekkjaw l-ispettaturi għal affarijiet perikolużi jew projbiti, monitoraġġ għal xi riskju ta’ sigurtà jew theddid filwaqt li jassistu lill-Pulizija kif meħtieġ. L-għan tal-introduzzjoni ta’ dawn l-istewards huwa wkoll li jassistu f’dik li hija ordni u sigurtà.
Qabel wieħed ikun jista’ japplika biex jingħata l-liċenzja ta’ security steward irid ikun temm b’suċċess kors ta’ taħriġ li jkun rikonoxxut mill-Aworità għall-Integrità fl-Isport Malti (AIMS) u approvat mill-Korp tal-Pulizija.
Il-komunità sportiva ta’ Malta jistħoqqilha rispett u protezzjoni. Għalhekk, dawn ir-riformi jintroduċu wkoll miżuri aktar b’saħħithom biex jiskoraġġixxu u jippenalizzaw lil dawk li jinvolvu ruħhom fi vjolenza, diskors ta’ mibegħda, jew imġiba ħażina. Dawk li jiksru l-liġijiet tal-ordni pubbliku se jiffaċċjaw ukoll, apparti akkużi misjuba fil-kodiċi kriminali, konsegwenzi serji oħra, fosthom:
• Multi ogħla għal reati mwettqa f’postijiet sportivi, li jvarjaw minn €500 sa €5,000.
• Projbizzjoni mandatorja milli jattendu avvenimenti sportivi għal perjodu ta’ bejn sitt xhur u ħames snin.
Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, f’laqgħa li kellu mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, tenna li bl-introduzzjoni tas-security stewards mhux biss il-Pulizija tkun tista’ twettaq xogħolha aħjar, iżda li tkompli tissaħħaħ is-sigurtà f’dawn il-postijiet. Żied li din il-liġi hija xhieda wkoll ta’ kif il-Gvern qiegħed ifassal il-politika tiegħu, bi djalogu kontinwu mal-istakeholders ewlenin u li wara dik il-konsultazzjoni, jiddeċiedi u jwettaq.
“Din hi bidla li tilħaq għanijiet differenti. Fuq naħa qed nimmodernizzaw anke s-sistemi ta’ sigurtà fejn iseħħu avvenimenti sportivi, billi nintroduċu sistemi li f’pajjiżi oħra ilhom jintużaw. Fuq naħa oħra qed inkomplu nagħmlu bidliet li permezz tagħhom il-Korp tal-Pulizija jiffoka fuq dak li hu l-iktar mistenni minnu, il-prevenzjoni tal-kriminalità, l-infurzar tal-liġi u ż-żamma tal-ordni. B’dan il-mod il-faċilitajiet sportivi lokali qed jaddottaw sistemi ta’ stewards simili għal li wieħed isib f’avvenimenti sportivi internazzjonali. Naturalment, l-esperjenza miksuba mill-pulizija tul is-snin se noffruha lill-amministrazzjoni sportiva bit-taħriġ u t-tħaddim tal-liġi,” qal il-Ministru Camilleri.
Matul id-diskussjoni, il-Ministri kellhom djalogu mal-ogħla diriġenti tal-MFA u diversi fergħat tal-istess assoċjazzjoni li huma involuti b’mod dirett fil-logħba tal-football, bħalma huma r-referees, il-plejers u coaches tal-football, koordinaturi loġistiċi u t-tmexxija tal-kampjonat premier u kampjonati domestiċi oħra.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clifton Grima qal li l-introduzzjoni ta’ stewards professjonali fil-grawnds tal-futbol f’Malta hija pass importanti biex titjieb l-esperjenza sportiva fil-pajjiż. Huwa saħaq li b’dan il-pass, b’kollaborazzjoni mal-Malta Football Association, il-partitarji u l-plejers se jgawdu l-futbol f’ambjent professjonali.
Il-Ministru Grima enfasizza li dan il-proġett huwa parti minn strateġija usa’ biex titjieb l-infrastruttura u l-ġestjoni tal-isport f’Malta, u li dan l-approċċ modern se jgħin biex il-futbol Malti jkompli jikber fuq livell tekniku u organizzattiv. Huwa sostna li l-gvern se jkompli jaħdem mal-MFA u mal-partijiet interessati kollha sabiex l-investiment fl-isport jibqa’ prijorità, b’mod li joffri opportunitajiet aħjar għall-atleti, il-klabbs u l-partitarji lokali.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà sostna li b’dan il-pass ser inkunu qegħdin noqorbu aktar lejn proċeduri prattiċi addottati f’pajjiżi Ewropej u madwar id-dinja li f’venues sportivi jkollok stewards li jieħdu ħsieb is-sigurtà. Dan bil-għan li f’dawn il-postijiet inkomplu nsaħħu s-sigurtà filwaqt li l-Pulizija li ser tibqa’ kommessa li tkompli tassigura sigurtà fl-avvenimenti sportivi, tkun tista’ tiffoka aktar fuq il-core duties tagħha. Esprima sodisfazzjon li l-konsultazzjoni estensiva li saret dwar din il-liġi issa ser tkun qiegħda tintroduċi dawn l-istewards b’qafas regolatorju, bl-għan tal-Korp tal-Pulizija u tal-liġi jibqa’ li dejjem inservu lin-nies bl-aħjar mod biex nassiguraw is-sigurtà tagħhom.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Malta Football Association Bjorn Vassallo tenna li, “Il-Malta Football Association tilqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni ta’ din il-liġi għaliex b’hekk pajjiżna jiġi f’konformità mal-pajjiżi l-oħra fl-Ewropa u ma’ dak li tirrikjedi r-regolamentazzjoni tal-UEFA fl-operat tal-logħbiet tal-futbol kemm fuq livell domestiku u kif ukoll f’dak internazzjonali. Il-kollaborazzjoni u l-ħidma li saret mal-Korp tal-Pulizija taħt id-direzzjoni tal-Kummissarju Angelo Gafà u mal-Ministeri kkonċernati kienet determinanti biex wasalna s’hawn, fejn issa bħala Assoċjazzjoni, il-pass li jmiss se jkun dak li nagħtu t-taħriġ neċessarju lil dawk l-individwi interessati li jiksbu liċenzja biex jaħdmu f’dan is-settur.”
Il-President tal-MFA żied jgħid li l-attendenza fi grawnd tal-futbol għandha tkun pjaċevoli u permezz ta’ dan it-titjib, l-uffiċjali tal-Pulizija ser ikunu jistgħu jiffukaw fuq ħidmiet speċifiċi oħra, filwaqt li l-istewards ser ikunu qegħdin jikkumplimentaw fil-prinċipji gwida ta’ sikurezza u sigurtà. Ikkonkluda jgħid li, “Huwa ta’ pjaċir għalija li l-Malta Football Association reġgħet kienet katalista fl-introduzzjoni ta’ kunċetti sostenibbli li minnhom jista’ jgawdi l-isport kollu f’pajjiżna u s-segwaċi tiegħu. Grazzi lil kull min kien parti mit-tfassil ta’ dan kollu flimkien magħna.”