Friday, November 13, 2026
Home Uncategorized Aktar minn miljun passiġġier għaddew mill-Ajruport f’Ottubru

Aktar minn miljun passiġġier għaddew mill-Ajruport f’Ottubru

0
11

Is-sajf għall-industrija tal-avjazzjoni wasal fi tmiemu fix-xahar t’Ottubru; xahar li matulu l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ 1,049,778 passiġġier.

Din il-prestazzjoni ġiet irreġistrata fl-isfond ta’ żieda ta’ 6.6 fil-mija fil-movimenti tal-ajruplani, hekk kif matul l-istaġun tas-sajf, netwerk ta’ titjiriet b’saħħtu għaqqad lill-Gżejjer Maltin ma’ aktar minn 110 destinazzjoni.

Fl-istess waqt, l-ammont ta’ postijiet disponibbli fuq it-titjiriet żdied b’9.1 fil-mija, filwaqt li r-rata t’okkupanza fuq l-istess titjiriet baqgħet għolja, b’rata ta’ 84.7 fil-mija.

B’sehem mis-suq ta’ 21 fil-mija, ir-Renju Unit kien l-akbar suq tal-ajruport matul Ottubru, segwit mill-Italja u l-Polonja. Dawn it-tlett iswieq ewlenin irreġistraw livelli differenti ta’ tkabbir, li varjaw minn 3.7 fil-mija għall-Italja sa 34.6 fil-mija għall-Polonja.

Il-Ġermanja u Franza, li kklassifikaw fir-raba’ u l-ħames post rispettivament, it-tnejn irreġistraw tnaqqis fil-movimenti tal-passiġġieri. Filwaqt li t-tnaqqis ta’ 0.2 fil-mija fil-Ġermanja kien negliġibbli, Franza rreġistrat tnaqqis aktar sinifikanti ta’ 12.3 fil-mija, wara li żewġ linji tal-ajru waqfu milli joperaw rotta kull wieħed.

Il-prospettivi għall-istaġun tax-xitwa jibqgħu relattivament pożittivi, bit-traffiku tal-passiġġieri mistenni jibqa’ fil-biċċa l-kbira tiegħu fuq livelli simili għal dawk irreġistrati matul ix-xitwa li għaddiet. Fl-istess waqt, ix-xenarju usa’ tal-industrija tal-avjazzjoni mistenni jkun influwenzat mill-prezzijiet għoljin tal-fjuwil u mill-ispejjeż operattivi, fatturi li mistennija jkollhom impatt fuq il-profittabbiltà u l-ippjanar tal-linji tal-ajru.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here