Tuesday, December 24, 2024

Aktar minn terz tal-imwiet huma ikkaġunati minn stil ta’ ħajja

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Aktar minn terz tal-imwiet f’Malta, 36 fil-mija huma kkaġunati mill-istil ta’ ħajja li ngħixu.  Dan l-ammont hu simili ħafna ta’ dak tal-medja tal-Unjoni Ewropea li hu ta’ 39 fil-mija. Xejn inqas minn 18 fil-mija tal-imwiet huma attribwiti għal dieta nieqsa minn frott u ħaxix, konsum qawwi ta’ zokkor u melħ waqt li 16 fil-mija tal-imwiet huma attribwiti għat-tipjip.  Ma’ dan imbagħad hemm 5 fil-mija tal-imwiet li huma attribwiti għal nuqqas ta’ attività fiżika, persentaġġ li hu ferm ogħla mill-medja Ewropea li hi ta’ 2 fil-mija.  3 fil-mija tal-imwiet f’Malta huma kkaġunati minn konsum qawwi ta’ alkohol.  It-tniġġis tal-arja b’mod partikolari il-PM2.5 u r-raġġi qawwija tax-xemx ikkontribwixxew għal 4 fil-mija tal-imwiet f’pajjiżna. 

Dan jirriżulta minn rapport  dwa l-Istat ta’ Saħħa fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2023. 

Interessanti hu l-fatt li t-tul ta’ ħajja f’Malta hu ta’ 82.7 snin għas-sena 2022 u dan hu sentejn aktar mill-medja Ewropea. Mir-rapport jirriżulta li Malta baqgħet bl-ogħla rati ta’ obesità fl-Unjoni Ewropea. Filfatt aktar minn wieħed minn kull erba’ persuni irrappurtaw problema ta’ obesità bil-problema hi akbar fl-irġiel b’persentaġġ ta’ 28 fil-mija u 23 fil-mija fost in-nisa. 

L-attività fiżika fost il-Maltin hi fost l-inqas fenn  huma biss 12 fil-mija tal-adulti li hu rrappurtat li jagħmlu madwar 150 minuta ta’ attività fiżika fil-ġimgħa. Dan hu ħafna inqas mill-medja Ewropea li hi ta’ 33 fil-mija.

Kuntrarjament għal ħafna pajjiżi Ewropej, ir-rati ta’ adulti li jpejpu f’Malta ma naqsux bejn is-sena 2008 u s-sena 2019. Filfatt hemm 21 fil-mija li rrappurtaw li jpejpu kuljum. Minkejja dan, l-ammont ta’ adoloxxenti ta’15-il sena li jpejpu naqas drastikament u hu fost l-inqas fost il-pajjiżi Ewropej.  It-tipjip fost it-tfajliet hu għola minn dak tal-ġuvintur, b’10 fil-mija għat-tfajliet u 9 fil-mija għall-ġuvintur. 

Ir-rapport jitkellem dwar il-finanzjament u jgħid li l-infieq fuq is-saħħa f’Malta kellu l-akbar ammont ta’ żieda f’termini reali fost il-pajjiżi Ewropej fl-aħħar għaxar snin. Waqt li ż-żieda fl-infieq bejn is-sena 2010 u 2011 kienet ta’ medja ta’ 5.4 fil-mija, bejn is-sena 2018-2019 din telgħet għal 14.7 fil-mija.

Ir-rapport jgħid li l-infieq ras għal ras kien ta’ €3,055 fis-sena 2020 li hu inqas mir-rata tal-Unjoni Ewropea li kienet ta’ €3,719.

Ekonomija

Sport