Aktar minn 90,000 persuna u 100 għaqda volontarja għamlu użu minn The Meeting Place mis-sena 2019 sal-lum. L-għan ewlieni ta’ dan il-post huwa li jservi ta’ spazju rikreattiv għal individwi, tfal u gruppi. Iktar minn hekk, l-infrastruttura tal-post tagħti lok għal servizzi speċjalizzati skont il-bżonnijiet tagħhom.
L-aktar servizzi mogħtija huma dawk b’rabta ma’ sessjonijiet tas-Supervised Access Visits, tagħlim ta’ ħiliet u terapija psikosoċjali. Ħafna NGO’s jużaw dan il-post għal-laqgħat tagħhom sabiex joħolqu pjan strutturat għal faxex fis-soċjetà li jkollhom bżonn aktar għajnuna.
F’dan il-post jingħataw diversi sessjonijiet ta’ taħriġ u ħiliet, fuq suġġetti diversi mifruxa minn dawk b’rabta ma’ fostering u adozzjonijiet ta’ tfal sa sessjonijiet ta’ divertiment lill-persuni b’diżabilità u oħrajn li jbatu mis-solitudni.
Dawn id-dettalji ngħataw f’konferenza li preżenti għaliha kien hemm il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Michael Falzon u diversi persuni li qed igawdu mis-servizzi li jingħataw f’The Meeting Place.
Matul din l-istess konferenza ngħataw testimonjanzi ta’ persuni li fissru dan il-post bħala bidla pożittiva f’ħajjithom, tant li jkunu qed jistennew bil-ħerqa il-ġranet li fihom isiru l-laqgħat u s-sessjonijiet ma’ sħabhom.
“Li tagħmel differenza fil-ħajja ta’ xi ħadd hija imprezzabli. Jekk nitilfu l-empatija u l-kompassjoni nkunu tlifna kollox. Dawn ir-rakkonti huma ta’ sodisfazzjon u jagħtuna aktar impenn sabiex inkomplu nagħmlu d-differenza fil-qasam soċjali,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Il-manager ta’ The Meeting Place, Saviour Grima spjega li s-servizz mogħti huwa 24 siegħa kuljum, u jaqdi skopijiet edukattivi, soċjali u li jippromwovu s-saħħa mentali. “Hawnhekk irnexxielna nibnu familja b’esperjenzi differenti, iżda li lkoll għandhom għan wieħed dak li jħossuhom tajjeb minkejja d-diffikultajiet kollha li jġorru magħhom. Għalina ifisser ħafna li naraw persuna titbissem u tinvolvi ruħha f’attivitajiet fiżiċi u soċjali,” temm jgħid Saviour Grima.
