Friday, April 19, 2024

Aktar premjijiet internazzjonali mħabbra għall-birer ta’ Farsons

Aqra wkoll

Tħabbru aktar premjijiet internazzjonali minn kompetizzjonijiet prestiġjużi Ewropej għall-birer ta’ Farsons. 

Waħda mill-iżjed kompetizzjonijiet prestiġjużi tal-birra fid-dinja, l-International Beer Challenge (IBC) 2021, ippremjat diversi birer mill-portafoll tal-birer tal-Birrerija Farsons fl-aħħar edizzjoni tagħha, li ttellgħet f’Settembru fir-Renju Unit. Xejn inqas minn erba’ birer fil-portafoll ta’ Farsons ġew rikonoxxuti f’din il-kompetizzjoni. 

Il-fidda ntrebħet minn Cisk Export – premium lager ta’ kwalità eċċellenti u b’kontenut alkoħoliku ta’ 5%, li hi prodotta primarjament għas-suq tal-esportazzjoni. Il-Green Hop IPA ta’ Farsons, li hija l-aħħar żieda fil-portafoll tal-Farsons Classic Brews, ukoll rebħet il-fidda. Dan kien l-ewwel premju għal din il-birra li għadha kemm tnediet fis-suq. 

Il-bronż rebħuh Cisk Excel – l-ewwel birra f’Malta b’kontenut baxx ta’ karboidrati, bit-togħma oriġinali taċ-Cisk Lager u bl-istess livell alkoħoliku imma b’nofs il-karboidrati tagħha – u Cisk Strong premium lager mill-aqwa b’kontenut alkoħoliku ta’ 9%. 

Il-premjijiet tal-IBC jagħrfu u jippromwovu birer eċċellenti minn madwar id-dinja, u jirrikonoxxu wkoll il-ħila tal-birrara u huma meqjusin bħala simbolu internazzjonali ta’ kwalità. Il-ġurija tal-edizzjoni ta’ din is-sena daqet birer minn madwar id-dinja, inkluż ta’ nazzjonijiet tradizzjonali tal-birra, bħar-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Istati Uniti, kif ukoll ta’ swieq emerġenti eċitanti, bħall-Amerka t’Isfel u l-Asja. 

Il-ġurija tal-IBC tinkludi bejjiegħa tal-birra, imporaturi, sidien ta’ pubs, birrara, kittieba u analisti tal-aroma. Il-proċess tal-ġurija hu rigoruż u partikolari ħafna, ħaġa li hi rispettata ħafna mill-ġurati. Din is-sena ngħataw 74 midalja tad-deheb, 188 tal-fidda u 224 tal-bronż. 

Barra minn hekk, Cisk Excel kisbet ukoll midalja tal-fidda fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Brussels Beer Challenge (BBC).

Il-BBC, l-ewwel kompetizzjoni professjonali tal-birra fil-Belġju, tnediet fl-2012 minn Becomev (Beer Communications & Events), taħt it-tmexxija ta’ Luc De Raedemaeker u Thomas Costenoble, fid-dawl taż-żieda fl-interess għall-kultura tal-birra. Din il-kompetizzjoni toffri opportunità unika lil birrara minn madwar id-dinja biex jikkompetu mal-aktar birer fini Belġjani, u l-għan tagħha hu li toffri lill-konsumaturi siġill ta’ kwalità mogħti mill-membri tal-industrija biex jippromwovu birer ta’ kwalità u jħeġġu kompetizzjoni sana fl-industrija.

Daqs 1,800 birra minn 35 pajjiż differenti ġew iġġudikati fl-aħħar ta’ Ottubru minn panel ta’ professjonisti tal-birra internazzjonali.

Dawn l-unuri jsegwu l-aħbar tal-ġimgħa li għaddiet li Cisk 0.0, il-lager ta’ bla alkoħol ta’ Farsons, rebħet midalja tad-deheb fil-kategorija Non & Low Alcohol Beer – Class 1 fl-edizzjoni tal-2021 tal-International Brewing & Cider Awards, li seħħew ġewwa Burton-upon-Trent fir-Renju Unit, u li huma meqjusin ukoll bħala l-‘oscars’ tal-industrija tal-birra. Barra minn hekk, Cisk 0.0 kisbet ukoll it-Tazza Ġenerali minn fost ir-rebbieħa kollha tad-deheb tat-tliet klassijiet tal-istess kategorija, li inkludiet il-birer ta’ bla alkoħol, il-birer b’kontenut baxx ta’ alkoħol, u l-birer bi ftit li xejn alkoħol.

Cisk Strong, Premium Lager b’kontenut alkoħoliku ta’ 9%, ingħatat midalja tal-bronż fil-kategorija Strong Beer – Class 1 – Lager fl-istess kompetizzjoni.

Eugenio Caruana, l-Uffiċjal Ewlieni tal-Operat, qal li: “Il-premjijiet ta’ din is-sena tħabbru fi tmiem sena li kienet tabilħaqq ta’ sfida għall-industrija tagħna madwar id-dinja. Huma tribut għal tim ta’ birrara mħarrġa u tal-esperjenza, li huma wkoll mill-aktar iddedikati u mogħnija b’ħiliet straordinarji għas-sengħa tal-birra. Aħna kburin ħafna b’dawn ir-riżultati, bil-birer tagħna, u bil-patrimonju u t-tradizzjoni rikka tagħhom.” 

Sport