Monday, May 13, 2024

Aktar protezzjoni lill-vittmi u persuni li jistgħu jkunu f’riskju ta’ vjolenza domestika

Aqra wkoll

Persuni f’relazzjoni issa jistgħu jingħataw informazzjoni dwar jekk is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom instabux ħatja ta’ vjolenza domestika fil-passat. Dan wara li fl-aħħar ġimghat ġiet introdotta liġi ġdida għal aktar protezzjoni għall-vittmi u persuni li jistgħu jkunu f’riskju ta’ vjolenza domestika.

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, intqal li dan is-servizz ġdid issa qed jiġi provdut mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Vittmi ta’ Kriminalità, hekk kif kien imwiegħed fil-manifest elettorali.

Permezz ta’ din il-liġi l-ġdida persuni li qegħdin f’relazzjoni jistgħu jagħmlu talba lil pulizija fi ħdan l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità biex jingħataw informazzjoni jekk is-sieħeb jew is-sieħba ġewx ikkundannati mill-Qorti fuq każijiet ta’ vjolenza domestika.

It-talba tista’ isir permezz ta’ applikazzjoni online minn fuq il-website tal-Aġenzija jew mill-Uffiċċju Prinċipali tal-Aġenzija fil-Belt Valletta, jew f’wieħed mit-tliet uffiċini tal-Aġenzija, jew inkella permezz tal-freephone 116 006. L-applikanti jeħtieġ jipprovdu prova jew informazzjoni li għandhom relazzjoni mal-persuna indikata. Wara li tkun ipproċessata l-applikazzjoni, l-uffiċjali tal-pulizija fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Vittmi ta’ Kriminalità jiltaqgħu mal-persuna li għamlet it-talba biex jiġu mwieġba aktar mistoqsijiet ta’ verifikazzjoni u jkun ikkonfermat li verament hemm relazzjoni mal-persuna kkonċernata. Jekk it-talba tkun eliġibbli, jiskatta proċess ta’ sebat ijiem, fejn il-pulizija fi ħdan l-Aġenzija jiċċekkjaw fuq il-persuna ta’ interess u jekk jirriżulta li l-persuna ta’ interess kienet ikkundannata fuq reat ta’ Vjolenza Domestika, l-applikant jiġi jew tiġi infurmata permezz ta’ twissija ta’ riskju ta’ vjolenza domestika.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri qal li llum qed isir pass importanti ħafna favur il-vittmi ta’ vjolenza domestika u anke dawk li possibbilment jistgħu jkunu vittmi ta’ vjolenza domestika, fil-fatt spjega kif din il-liġi se tkun qed tħares lejn il-prevenzjoni ta’ vjolenza domestika.

“Permezz ta’ dan il-mekkaniżmu u servizz ġdid li se jingħata mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Vittmi ta’ Kriminalità, persuna tista’ titlob informazzjoni fuq persuna oħra li qegħda f’relazzjoni magħha dwar jekk il-persuna qattx instabet ħatja ta’ vjolenza domestika fil-passat. Fuq din l-informazzjoni mbagħad il-persuna inkwistjoni tkun tista’ tagħmel id-deċiżjonijiet tagħha, fosthom jekk tridx tkompli r-relazzjoni tagħha mal-persuna l-oħra. Dan filwaqt li ser issib disponibbli servizzi diversi oħra provduti mill-istess Aġenzija għas-Servizzi tal-Vittmi ta’ Kriminalità,” qal il-Ministru Camilleri.

Huwa temm jgħid, “Kommessi li nibqgħu niġġieldu l-pjaga tal-vjolenza domestika b’kull mod, għax nagħmlu kemm nagħmlu qatt mhu se jkun biżżejjed.”

Min-naħa tagħha, s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li dan il-mekkaniżmu ma sarx biss biex titwettaq wegħda tal-manifest, imma sar għaliex il-gvern impenjat bis-sħiħ li jagħmel minn kollox biex din il-pjaga tkun indirizzata bl-aktar mod b’saħħtu, biex b’hekk titnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju li persuna tisfa’ vittma ta’ vjolenza.

“Din il-liġi hija pass ieħor importanti għaliex se tkompli ssaħħaħ il-ġlieda ta’ pajjiżna kontra l-vjolenza domestika. Bħala gvern, impenjati li nkomplu niġġieldu l-vjolenza domestika għaliex din minbarra li tkisser moralment, fiżikament u emozzjonalment individwi u familji, tkisser ukoll lis-soċjetà. Il-messaġġ tagħna jibqa’ konsistenti – Il-Vjolenza Domestika hi affari ta’ Kulħadd,” saħqet Rebecca Buttigieg.

Sport