Il-GWU tikseb il-maġġoranza tal-ħaddiema ta’ OHAA Fleet – tissaħħaħ il-preżenza tagħha fis-settur tal-couriers

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU), permezz tat-Taqsima Ospitalità u Ikel, kompliet issaħħaħ il-preżenza tagħha fost il-ħaddiema fis-settur tal-couriers, wara li d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER) wettaq l-eżerċizzji ta’ verifika marbuta mat-talbiet tal-GWU għar-rikonoxximent uniku tal-ħaddiema ta’ OHAA Fleet.

Il-proċess ta’ verifika nbeda wara talba uffiċjali li l-GWU ressqet sabiex tiġi rikonoxxuta bħala t-trejdjunjin ewlenija li tirrappreżenta lill-ħaddiema tal-kumpanija għall-finijiet ta’ negozjar kollettiv, bl-esklużjoni tas-senior management.

Mill-eżerċizzju ta’ verifika, li sar skont id-dispożizzjonijiet tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 452.112, ġie kkonfermat li l-maġġoranza tal-ħaddiema ta’ OHAA Fleet, bl-esklużjoni tas-senior management, huma membri tal-GWU.

Dan ir-riżultat jikkonferma l-appoġġ tal-maġġoranza tal-ħaddiema lejn il-GWU u jirrappreżenta pass importanti lejn it-tisħiħ tar-rappreżentanza kollettiva tagħhom.

Il-GWU, permezz tat-Taqsima Ospitalità u Ikel, tibqa’ impenjata li tħares id-drittijiet u l-interessi ta’ dawn il-ħaddiema u taħdem favur kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, pagi xierqa u aktar sigurtà fl-impjieg.

Il-GWU tkompli ssaħħaħ il-preżenza tagħha fost il-ħaddiema, filwaqt li tippromwovi l-importanza tas-sħubija fi trejdjunjin u tas-solidarjetà kollettiva.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport