Il-Pulizija għandha rwol kruċjali fil-ħajja ta’ kuljum. L-uffiċjali tal-Pulizija huma dawk li jintbagħtu f’sitwazzjonijiet li ħafna drabi jkunu imprevedibbli, diffiċli u perikolużi. Jistgħu jkunu l-ewwel li jaslu fuq il-post ta’ inċident, emerġenza, każ ta’ vjolenza jew sitwazzjoni fejn il-ħajja ta’ persuni tkun fil-periklu.
Bla dubju li r-rispett lejn il-Korp tal-Pulizija għandu jibqa’ prinċipju fundamentali fis-soċjetà demokratika u ċivilizzata tagħna. Huwa proprju għalhekk li meta nisimgħu b’aħbarijiet dwar allegat vjolenza fil-konfront tal-pulizija, tqum ċertu rabja. Minn dawk il-kolonni, kemm-il darba sħaqna fuq l-importanza li waqt li jkunu qed iwettqu dmirhom, dawn l-uffiċjali għandhom ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom b’dinjità u mingħajr ma jkunu esposti għal vjolenza jew intimidazzjoni.
Naqblu wkoll li l-ebda persuna m’għandha taħseb li huwa aċċettabbli li tattakka jew thedded uffiċjal tal-Pulizija sempliċement għax ma taqbilx ma’ deċiżjoni jew ma’ intervent li jkun qed isir.
Il-ħaddiema kollha għandhom id-dritt li jirritornaw lejn familji tagħhom wara ġurnata xogħol mingħajr ma jkunu ġew vittmi ta’ aggressjoni. Dan jgħodd ukoll għall-membri tal-Korp tal-Pulizija, li ħafna drabi jkunu qed jaħdmu biex jipproteġu lil ħaddieħor.
Għalhekk, il-messaġġ għandu jkun wieħed ċar: il-vjolenza kontra l-Pulizija m’għandha qatt tkun normalizzata jew ġustifikata. Huwa fl-interess ta’ kulħadd li jinżamm ambjent fejn il-Pulizija jkunu jistgħu jwettqu dmirhom b’serenità, filwaqt li ċ-ċittadini jħossuhom protetti u trattati b’rispett.
Ir-rispett għandu jkun reċiproku, iżda l-vjolenza qatt m’għandha tkun it-tweġiba. L-uffiċjali tal-Pulizija qegħdin hemm biex iservu lill-komunità, u meta jkunu qed jagħmlu dan ix-xogħol, għandhom jingħataw l-ispazju, is-sigurtà u r-rispett meħtieġ biex ikunu jistgħu jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom.
Għaldaqstant, aktar rispett lejn il-Pulizija jfisser li nifhmu li, wara l-uniformi, hemm persuna li għandha d-dritt għall-istess dinjità u sigurtà li nippretendu għal kull ħaddiem ieħor. U dak ir-rispett għandu jibda minna lkoll.
