Żieda ta’ 14.7% fit-turisti li waslu Malta f’Awwissu

Aqra wkoll

It-total ta’ turisti li waslu Malta f’Awwissu li għadda kien stmat li laħaq il-539,655, żieda ta’ 14.7 fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar fl-2025.

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li f’Awwissu 2026, 515,676 turist żaru Malta għal btala, mentri 10,484 turist ġew Malta għal raġunijiet taʼ xogħol.

L-akbar għadd taʼ turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena (36.6 fil-mija); warajhom kien hemm dawk fl-età taʼ bejn ix-0 u l-24 sena (34.7 fil-mija). 

Residenti mir-Renju Unit, l-Italja u l-Polonja kienu jammontaw għal 46.5 fil-mija tat-turisti kollha li waslu Malta.

Meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena taʼ qabel, l-għadd sħiħ tal-iljieli mqattgħin Malta telaʼ bʼ9.9 fil-mija, u laħaq it-3.8 miljun lejl. Il-biċċa l-kbira taʼ dawn l-iljieli (86.7 fil-mija) kienu mqattgħin fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni mikrija. It-tul medju taʼ dawn iż-żjajjar kien taʼ 7.0 iljieli.

FʼAwwissu 2026, in-nefqa tat-turisti laħqet is-€629.3 miljun, żieda taʼ 14.9 fil-mija fuq l-istess xahar sena qabel. L-infiq medju kull lejl kien stmat li jammonta għal €165.5. It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 356,101, jew 66.0 fil-mija tat-turisti kollha.

Jannar-Awwissu 2026

Fl-ewwel tmien xhur tal-2026, 3,160,974 turist wasal Malta, żieda taʼ 17.9 fil-mija fuq l-istess żmien tal-2025. In-numru tal-iljieli mqattgħin telaʼ bʼ10.9 fil-mija u bʼhekk laħaq it-18.7-il miljun lejl.

L-infiq sħiħ mit-turisti kien stmat li laħaq l-€2,963.3 miljun, 15.6 fil-mija ogħla minn dak li kien irreġistrat fl-istess żmien tal-2025. L-infiq kollu ras għal ras naqas għal €937 mid-€956 li kien stmat fl-2025.

It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 1,794,381, jew 56.8 fil-mija tat-turisti kollha.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport