Il-Gvern ikabbar is-servizzi tal-oftalmoloġija f’San Vinċenz de Paul b’ħames kliniċi ġodda

Aktar servizzi speċjalizzati għall-anzjani bil-għan li jitnaqqsu l-ħinijiet ta’ stennija u l-pressjoni fuq Mater Dei

Aqra wkoll

San Vinċenz de Paul se jkompli jsaħħaħ is-servizzi speċjalizzati tas-saħħa għall-anzjani permezz tal-espansjoni tas-servizzi tal-oftalmoloġija, biż-żieda ta’ ħames kliniċi oħra mal-13-il klinika tal-oftalmoloġija u Avastin li diġà qed joperaw.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Dr Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Dr. Deo Debattista, ħabbru dan l-investiment waqt żjara f’San Vinċenz de Paul, il-Ħamis waranofsinhar. Flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul Jorgen Souness, huma żaru s-servizzi mill-kliniċi ġodda u raw mill-qrib il-ħidma li qed issir fil-qasam tal-oftalmoloġija.

Is-servizz huwa disponibbli kemm għar-residenti ta’ San Vinċenz de Paul kif ukoll għal anzjani ta’ aktar minn 60 sena, u jinkludi eżamijiet speċjalizzati tal-għajnejn, proċeduri u interventi relatati mal-għajnejn, screening għal kumplikazzjonijiet relatati mad-dijabete, kif ukoll follow-ups kontinwi sabiex kundizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw il-vista jiġu identifikati u kkurati.

Permezz taż-żieda ta’ ħames kliniċi oħra, aktar pazjenti se jkunu jistgħu jingħataw appuntament fi żmien iqsar. L-espansjoni għandha wkoll tgħin biex jitnaqqsu l-listi ta’ stennija għall-konsultazzjonijiet oftalmoloġiċi u għall-kura Avastin, filwaqt li tkompli tnaqqas il-pressjoni fuq is-servizzi rispettivi fl-Isptar Mater Dei.

Minn Jannar 2026 sal-lum, il-kliniċi f’San Vinċenz de Paul raw 863 pazjent għall-kura oftalmoloġika u 1,063 pazjent għall-kura Avastin. Is-servizz tal-Avastin jinvolvi l-amministrazzjoni ta’ injezzjonijiet fl-għajn li jgħinu biex titnaqqas in-nefħa fir-retina, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ aktar telf tal-vista u titħares il-funzjoni viżiva tal-pazjent.

Id-Deputat Prim Ministru Dr Ian Borg qal li din l-espansjoni hija parti mill-ħidma biex aktar servizzi tas-saħħa jkunu aċċessibbli għall-pazjenti u jingħataw fl-aktar ambjent adattat għall-bżonnijiet tagħhom.

“Qed inkomplu nsaħħu s-servizzi tas-saħħa billi ninvestu f’aktar aċċessibbiltà u f’kura speċjalizzata eqreb lejn il-pazjent. B’dawn il-kliniċi ġodda, aktar anzjani se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn servizz oftalmoloġiku f’San Vinċenz de Paul, b’aktar kumdità u f’inqas żmien, hekk kif qed inkomplu naħdmu biex innaqqsu l-ħinijiet ta’ stennija. Fl-aħħar mill-aħħar, dan l-investiment fil-kura tal-vista jfisser ħajja ferm aħjar u aktar indipendenza għall-anzjani tagħna,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Dr. Deo Debattista qal li l-iżvilupp ta’ servizzi speċjalizzati f’San Vinċenz de Paul huwa parti minn direzzjoni usa’ biex l-anzjani jkollhom aċċess għal aktar kura f’ambjent li jkun qrib tagħhom.

“Meta nitkellmu dwar anzjanità attiva, irridu wkoll niżguraw li l-anzjani tagħna jkollhom aċċess għal servizzi tas-saħħa ta’ kwalità u fil-ħin. Il-vista għandha impatt dirett fuq l-indipendenza u l-kwalità tal-ħajja tal-persuna. Għalhekk, permezz ta’ din l-espansjoni qed inkomplu nressqu l-kura speċjalizzata eqreb lejn l-anzjani, kemm dawk residenti f’San Vinċenz de Paul kif ukoll dawk li jgħixu fil-komunità,” qal Dr. Deo Debattista.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul Jorgen Souness spjega li l-espansjoni tkompli tibni fuq is-servizzi kliniċi li qed jiġu offruti mill-faċilità, bil-għan li San Vinċenz de Paul ikompli jsaħħaħ ir-rwol tiegħu fil-provvista ta’ kura speċjalizzata għall-anzjani.

Din hija wegħda tal-manifest elettorali li qed titwettaq fl-ewwel xhur ta’ din il-leġislatura, permezz tal-miżura EMP06.040, li kienet tħares lejn it-tisħiħ u t-tkabbir tas-servizzi tas-saħħa għall-anzjani. Dan l-investiment huwa wkoll konformi mad-direzzjoni tal-Viżjoni Malta 2050, b’mod partikolari mal-Pilastru 2 – Servizzi Aċċessibbli u Ċċentrati fuq il-Persuna, fejn wieħed mill-indikaturi ewlenin huwa ż-żieda fis-snin ta’ ħajja f’saħħitha. B’hekk, it-tisħiħ tas-servizzi tal-oftalmoloġija mhux biss qed iwettaq impenn elettorali, iżda qed jikkontribwixxi għal viżjoni fit-tul għal kwalità ta’ ħajja aħjar, aktar indipendenza u aktar snin ta’ ħajja f’saħħitha għall-anzjani.

Din l-inizjattiva tifforma parti mill-ħidma kontinwa biex San Vinċenz de Paul ikompli jiżviluppa s-servizzi tas-saħħa għall-anzjani u joffri kura speċjalizzata ta’ kwalità aktar qrib tagħhom.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport