Monday, December 9, 2024

AKTAR SOSTENN LIS-SETTUR TAL-VOLONTARJAT 

Aqra wkoll

Aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed tikber l-importanza tal-volontarjat f’pajjiżna. Dan il-qasam hu kkunsidrat bħala wieħed mill-valuri l-aktar importanti għas-soċjetà Maltija tant li huwa mifrux mal-pajjiż kollu. 

Dan għax filwaqt li jagħti ċertu sens ta’ sodisfazzjoni lil min ikun qed jagħmlu billi b’dak li jagħmel, ikun qed itejjeb il-kwalità tal-ħajja saħansitra ta’ individwi li jaqgħu fil-faxxa ta’ nies vulnerabbli apparti li jkun qed ukoll jagħmel ġid lil-lokalita.

Quddiem dan kollu ma nistgħux ngħidu li l-Gvern mhux qed ikun ta’ sostenn għas-settur tal-volontarjat. Anzi l-Gvern, tant hu kommess f’dan il-qasam, li se jkun qiegħed jalloka kważi €25 miljun għal aktar minn 50 Public Social Partnerships li l-Gvern għandu ma’ diversi għaqdiet volontarji li jaħdmu fil-qasam soċjali. 

Biss, is-sostenn tal-Gvern imur lil hinn minn hekk, fost oħrajn permezz ta’ spazji, faċilitajiet u opportunitajiet ta’ riċerka sabiex jissaħħaħ dan is-settur.

Nirreferu wkoll għal dak li tħabbar fil-Budget, fejn fost l-oħrajn, se jkun qiegħed ukoll jinfetaħ one-stop-shop fin-Nofsinhar ta’ Malta li se jkun qiegħed iservi bħala l-ewwel ċentru ta’ taħriġ, riżorsi u riċerka għas-settur tal-volontarjat. 

Nisħqu li s-soċjetà tagħna għandha tkompli toħloq kultura ta’ pajjiż li jimpurtah u li bħala ċittadin ikun jemmen fis-sens qawwi ta’ valur addizzjonali li jġib miegħu l-volontarjat. 

Huwa għalhekk li ma nistgħux ma nsemmux li għal dan il-għan se jkun varat il-kunċett ta’ bank tal-volontarjat biex dawk kollha li jixtiequ jagħtu sigħat b’xejn ta’ volontarjat, jistgħu jingħaqdu f’dan il-proġett nazzjonali. 

Quddiem dan kollu, nemmnu li l-volontarjat huwa wieħed mill-pilastri ewlenin. Nappellaw biex aktar persuni u kumpaniji jagħrfu l-benefiċċji li jġib miegħu l-volontarjat u jkunu ta’ kontribut siewi għall-mixja lejn Malta aktar ġusta u ħanina. 

Ekonomija

Sport