Monday, May 13, 2024

AKTAR SPAZJI ĦODOR SABIEX JITGAWDEW MILL-PUBBLIKU

Aqra wkoll

Aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed naraw tiżdied il-ħidma favur iżjed spazji miftuħa, sabiex dawn ikunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku.

Dawn l-inizjattivi qed isiru bil-għan mhux biss li jsir xogħol ta’ tisbiħ imma wkoll li jkun hemm proġetti favur l-ambjent. Għal dawn il-proġetti hemm ivvutati miljuni ta’ ewro, bl-investiment se jkun mifrux f’diversi lokalitajiet imxerrdin ma’ pajjiżna, li bla dubju se jkunu qed iġibu bidliet sinifikanti ambjentali.

Dan għaliex minbarra li jservu għat-tgawdija tal-pubbliku qed ikomplu jgħinu fit-tnaqqis tat-tniġġis fl-arja. Il-Gvern ħadem u qiegħed jaħdem bis-sħiħ f’din id-direzzjoni tant li l-manifest elettorali tal-Partit Laburista kien inkluda l-wegħda ta’ €700 miljun fuq medda ta’ seba’ snin għal inizjattivi ambjentali.

Din l-istess proposta m’għadhiex aktar wegħda biss, imma issa bdejna narawha titwettaq b’mod konkret. Ma ninsewx dak li ħabbar il-Prim Ministru ftit tal-jiem ilu, fejn propju b’investiment ta’ xejn inqas minn €16-il miljun, żona li sa ftit snin ilu kienet impjant tal-konkos miksi b’tunnellati ta’ materjal tal-kostruzzjoni mormi illegalment, issa ġiet żviluppata kompletament mill-ġdid fi spazju miftuħ li se joffri l-faċilitajiet kollha possibbli biex jistgħu jittellgħu attivitajiet tal-massa tal-ogħla livell.

Din iż-żona li tinsab f’Ta’ Qali, se tkun qiegħda tintuża għall-kunċerti kif ukoll se sservi bħala spazju ta’ rikreazzjoni għall-pubbliku meta fiha ma jkunux qed isiru attivitajiet. Ma nistgħux ninsew li din iż-żona se tkun mgħammra bil-kumdità kollha.

Dan hekk kif se jkollha dressing rooms u backstage taħt l-art, klinika, control room tas-sigurtà u żewġ design kiosks, fost oħrajn. Ma nistgħux ma ninnutawx ukoll il-ħidma li qiegħda tagħmel l-Aġenzija Project Green, li hija responsabbli għal uħud mill-proġetti ambjentali u ambizzjużi fl-istorja tal-pajjiż.

Fil-fatt, uħud mill-proġetti diġà qed naraw it-tlestija tagħhom. Dawn jinkludu fost l-oħrajn, fosthom l-ispazju miftuħ ta’ 17,000 metru kwadru fil-Park tal-Familja f’Bengħajsa u l-estensjoni tal-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar. Nemmnu li proġetti bħal dawn qed isiru bi skop li jikber il-ġid komuni.

Dan ifisser li l-flus li qed jintefqu fi proġett ta’ din il-kobor u kwalità qed iservi tajjeb soċjalment. Għalhekk inħarsu ’l quddiem għat-twettiq ta’ aktar proġetti bħal dawn li se jkunu qegħdin joffru kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar għall-benefiċċju tal-Malti u l-Għawdxin kollha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport