Fil-Mellieħa għaddej xogħol ta’ tisħiħ fis-sistema tad-distribuzzjoni fejn ser ikunu qegħdin jiżdiedu man-network tal-elettriku 4 kilometri ta’ cables ġodda.
Permezz ta’ dawn il-cables ser tiżdied il-konnettività f’din il-lokalità biex tkompli tiżdied ir-reżiljenza u l-flessibilità fil-grid elettriku.
Dan ix-xogħol, b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta, qed isir bħala parti mill-impenn tal-Enemalta li tqiegħed 60 kilometru ta’ cables oħra ġodda taħt l-art. Permezz t’hekk ser tiżdied ir-reżiljenza u l-flessibilità fin-network tal-elettriku f’21 lokalità madwar Malta u Għawdex.
“Ix-xogħlijiet li qed isiru fil-Mellieħa huma parti mix-xogħlijiet ta’ rinfurzar li qed tagħmel Enemalta fis-sistema ta’ distribuzzjoni. Dan l-investiment strateġiku qed itejjeb il-konnettività lokali u jsaħħaħ il-grid tagħna. B’dawn ix-xogħlijiet qed niżguraw li r-reżiljenza tan-netwerk tagħna tkun ferm aktar b’saħħitha u l-infrastruttura tal-enerġija tkun aktar sostenibbli,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Enemalta Inġ Ryan Fava qal, “Dan huwa tkomplija tax-xogħol li kellna s-sena l-oħra, fejn tpoġġew aktar minn 82 kilometri ta’ cables ġodda taħt l-art.” Huwa spjega li tul is-sena li għaddiet, Enemalta kkummissjonat 54 substation ġdida, u għamlet xogħol ta’ tisħiħ f’76 substation oħra. Dan it-tisħiħ qabeż sew il-miri li Enemalta kellha għas-sena 2024. S’issa, 166 feeder ta’ 400/230V ġew konnessi man-network f’diversi lokalitajiet. Inbidlu wkoll 47km ta’ linji fit-toroq tagħna biex inkomplu nimmodernizzaw n-network tad-distribuzzjoni.