Sunday, November 24, 2024

Premier Ingliż: Alexander Mitrovic jista’ jiġi sospiż għall-kumplament tal-istaġun

Aqra wkoll

L-attakkant ta’ Fulham, Alexandar Mitrovic, jista’ jiffaċċja sospensjoni għall-kumplament tal-istaġun wara li tkeċċa fit-telfa ta’ 3-1 kontra Manchester United li ntlagħbet f’Old Trafford, valida mill-kwarti-finali tal-FA Cup

Kienu Fulham li fetħu l-iskor mill-istess Mitrovic fejn dehru li kienu se joħolqu sorpriża kbira iżda l-affarijiet inbidlu drastikament fit-72 minuta. 

Dan wara li Willian mess il-ballun b’idu mit-tentattiv ta’ Jadon Sancho biex tellef azzjoni ta’ goal u għaldaqstant ir-Red Devils ingħataw penalty filwaqt li Willian intwera l-karta l-ħamra. 

Waqt li r-referee, Chris Kavanagh  mar jikkonsulta l-VAR, huwa keċċa wkoll lill-coach tal-Cottagers, Marco Silva minħabba protesti eċċessivi. 

Wara li l-uffiċjal tal-logħba pponta lejn il-penalty spot u kkonferma t-tkeċċija ta’ Willian, kien imiss lil Mitrovic li jitlef il-kalma u jipprotesta bil-qawwa kollha. 

Huwa ntwera l-karta l-ħamra minħabba li għamel kuntatt fiżiku darbtejn mar-referee. 

Nhar it-Tnejn, l-FA Ingliża ħarġet akkuża kontra l-player Serb filwaqt li tat indikazzjoni li se jirċievi sospensjoni fit-tul. 

L-istqarrija kienet tgħid: “L-imġieba  ta’ Aleksandar Mitrovic lejn l-uffiċjal tal-logħba kienet waħda inaċċettabbli. 

“Barra minn hekk, l-imġieba u/jew il-lingwaġġ ta’ Mitrovic kienu allegatament mhux xierqa u/jew abbużivi u/jew insulti u/jew theddid wara t-tkeċċija tiegħu.”

Fulham mistennija jappellaw l-eżitu tas-sentenza u se jressqu l-inċident li seħħ aktar kmieni dan ix-xahar fejn il-midfielder ta’ Manchester United, Bruno Fernandes, deher jimbotta bi protesta lill-assistant referee fit-telfa ta’ 7-0 kontra Liverpool. 

Iżda l-FA Ingliża naqset li tieħu xi forma ta’ azzjoni. 

Sport