Alfred Degiorgio magħruf bħala “l-Fulu”, li qiegħed jiskonta sentenza ta’ 40 sena ħabs b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, għażel li ma jweġibx għall-mistoqsijiet li sarulu meta lbieraħ ssejjaħ biex jixhed fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech.
Fis-seduta tal-lum, Degiorgio kien mitlub għal diversi drabi sabiex jixhed anke mill-Imħallef li qed tisma’ l-ġuri li wissietu biex jagħmel dan, iżda huwa xorta waħda rrifjuta li jwieġeb għad-domandi. Huwa qal li kien intenzjonat li ma jixhidx u jekk jixhed “jixxokkja lil kulħadd”.
Ix-xhud allega wkoll li Chris Cardona, Keith Schembri u David Gatt kienu involuti fil-każ, iżda meta mistoqsi mill-Prosekuzzjoni sabiex jispeċifika x’tip ta’ involviment kien qed jirreferi għalih, huwa baqa’ ma weġibx.
Minħabba li Degiorgio baqa’ jirrifjuta li jwieġeb, l-Imħallef Edwina Grima ordnat l-arrest tiegħu u sabiex jitressaq fil-Qorti fi żmien 48 siegħa fuq disprezz tal-Qorti.
