It-tnedija tal-programm Summer Life Skills Lab 2026 fil-World Youth Skills Day

Aqra wkoll

Fl-okkażjoni tal-World Youth Skills Day, Aġenzija Żgħażagħ nediet il-programm ‘Summer Life Skills Lab 2026’, programm li joffri opportunitajiet ta’ tagħlim mhux formali sabiex iż-żgħażagħ jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa għall-ħajja, għax-xogħol u għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà.

Il-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Omar Farrugia żar l-attivitajiet differenti li kienu qed isiru bħala parti mis-Summer Life Skills Lab fejn iltaqa’ maż-żgħażagħ parteċipanti u mal-youth workers li jmexxu dawn il-programmi.

Is-Summer Life Skills Lab jiġbor fih firxa estensiva ta’ programmi, fosthom boot camps, clubs, programmi ta’ premjazzjoni u sessjonijiet ta’ life skills li jsiru madwar Malta u Għawdex. Dawn il-programmi huma mmexxija minn youth workers professjonali permezz ta’ metodu ta’ tagħlim esperjenzjali li jinkoraġġixxi lit-tagħlim permezz tal-parteċipazzjoni, ir-riflessjoni u esperjenzi prattiċi.

Permezz ta’ dawn il-programmi, iż-żgħażagħ jiżviluppaw ħiliet essenzjali fit-tmexxija, il-komunikazzjoni, ħidma f’tim, il-kreattività, il-ħsieb kritiku, is-soluzzjoni tal-problemi, ir-reżiljenza, iċ-ċittadinanza attiva u l-impenn fil-komunità. Dawn il-ħiliet jiġu esplorati permezz ta’ attivitajiet innovattivi li jinkludu d-drama, il-fotografija, il-produzzjoni tal-films, ir-radju, il-mużika, ir-realtà virtwali, l-intelliġenza artifiċjali, l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza u l-attiviżmu.

Din is-sena, aktar minn 600 żagħżugħ u żagħżugħa rreġistraw għal wieħed jew aktar mill-programmi offruti, li flimkien ġġeneraw aktar minn 1,400 parteċipazzjoni matul is-Summer Life Skills Lab.

Il-Ministru Omar Farrugia qal, “Fil-Jum Dinji tal-Ħiliet taż-Żgħażagħ, qegħdin nagħrfu l-potenzjal taż-żgħażagħ tagħna u nkomplu ninvestu fil-ħiliet li għandhom bżonn. Permezz tas-Summer Life Skills Lab ta’ Aġenzija Żgħażagħ, mijiet ta’ żgħażagħ qed jiżviluppaw ħiliet essenzjali bħal leadership, il-komunikazzjoni, ħidma f’tim u l-ħsieb kritiku permezz ta’ esperjenzi ta’ tagħlim informali. Dawn l-inizjattivi jkomplu jsaħħu l-impenn tal-Gvern li noħolqu aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħna sabiex jirnexxu fil-ħajja tagħhom u jagħtu sehemhom fis-soċjetà Maltija.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ, Jason Zammit, qal kif ingħata bidu għall-programm Summer Life Skills Lab, li huwa l-programm tas-sajf tal-Aġenzija. Zammit stqarr kif dan il-programm jiffoka fuq il-ħiliet li ż-żgħażagħ jakkwistaw. “Iż-żgħażagħ jiġu hawn u apparti li jieħdu pjaċir, jitgħallmu dawn il-ħiliet. Il-ħiliet li jitgħallmu huma varji fosthom, il-ħsieb kritiku, leadership u anke ħiliet biex huma jkunu l-mexxejja ta’ għada, u dan huwa l-iskop tal-programm tas-sajf ta’ Aġenzija Żgħażagħ.”

Permezz tas-Summer Life Skills Lab, Aġenzija Żgħażagħ tkompli twettaq il-missjoni tagħha li toħloq spazji fejn iż-żgħażagħ jistgħu jiskopru l-potenzjal tagħhom, jibnu l-kunfidenza tagħhom u jiżviluppaw il-ħiliet li jgħinuhom isiru ċittadini attivi u responsabbli.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport