Il-Bord tal-Eżamijiet MATSEC jippubblika r-riżultati tal-eżamijiet għall-2026

Aqra wkoll

Il-Bord tal-Eżamijiet MATSEC ippubblika r-riżultati għas-sessjoni tal-2026. Madwar 4,148 kandidat irċevew ir-riżultati tal-Matrikola tagħhom, filwaqt li madwar 5,573 kandidat irċevew ir-riżultati tagħhom għall-eżamijiet taċ-Ċertifikat ta’ Edukazzjoni Sekondarja (SEC).

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, feraħ lill-istudenti li kisbu s-suċċess mixtieq f’dawn l-eżamijiet. Filwaqt li kkummenta kif dan hu tragward importanti għamilha ċara li studenti li xtaqu jiksbu riżultati aħjar għandhom jagħmlu kuraġġ u se jkunu qed isibu l-appoġġ kollu mixtieq. “L-impenn tagħna jibqa’ dak li noħolqu l-ambjent fejn l-istudenti joħorġu l-aqwa potenzjal u l-ħiliet kollha tagħhom,” qal il-Ministru Camilleri. 

Intant, din hija t-tieni sena fejn ir-riżultati jirriflettu l-bidliet li seħħew fil-livell tas-SEC. Bidliet li jkomplu jirriflettu l-impenn tal-Ministeru u tal-MATSEC li s-sistema ta’ assessjar tkun waħda aktar inklussiva, diversifikata u addattata mal-ħtiġijiet edukattivi li qed jevolvu.

Il-mudell il-ġdid jinkludi assessjar ibbażat fuq School-Based Assessments (SBA) u l-eżami finali. L-SBA, jassessja lill-istudenti tul l-aħħar tliet snin tal-edukazzjoni sekondarja.

Il-kandidati kellhom l-għażla li jagħmlu l-eżamijiet fuq żewġ livelli: Livell 2–3 u Livell 1–2, maħsub biex jiċċertifika għarfien bażiku għal dawk li jkunu temmew is-sena skolastika. Fil-każ tal-Matematika, il-kandidati setgħu jagħżlu bejn il-Livell 3–3, Livell 2–3 u l-Livell 1–2. L-istruttura tal-livelli tikklassifika r-riżultati b’faxex ta’ prestazzjoni, b’Livell 3 bħala l-ogħla livell. Il-Livell 3 jibqa’ l-istandard meħtieġ biex wieħed jgħaddi għall-edukazzjoni postsekondarja bħal 6th form, il-livelli 1 u 2 jistgħu jintużaw biex wieħed ikompli l-perkors edukattiv tiegħu f’istituzzjonijiet postsekondarji oħra. Dan il-mudell ta’ assessjar jippermetti wkoll li kandidati li ma jkunux kisbu l-grad meħtieġ fl-eżami finali xorta jkunu jistgħu jilħqu Livell 3 b’mod ġenerali jekk il-prestazzjoni tagħhom fl-SBA tkun biżżejjed biex tikkumpensa għar-riżultat tal-eżami.

F’suġġetti ewlenin bħall-Matematika, l-Ingliż u l-Malti, in-numru ta’ kandidati li laħqu Livell 3 baqa’ stabbli meta mqabbel mas-snin preċedenti. Is-suġġetti tal-Kimika, il-Computing, il-Ġeografija, u ż-Żfin, fost oħrajn, irreġistraw żieda fin-numru ta’ studenti li kisbu kwalifika SEC fil-Livell 3.

Intant, il-Ministru Camilleri fakkar kif il-Gvern se jerġa’ joffri s-sessjonijiet ta’ reviżjoni bla ħlas matul is-sajf għal dawk li jixtiequ jtejbu l-marki tagħhom fis-sessjoni ta’ Settembru. “Kelli ċ-ċans inżur dawn is-sessjonijiet fl-aħħar snin u naf li jagħmlu differenza u jħallu impatt mill-iktar pożittiv,” qal il-Ministru Camilleri li radd ħajr bil-quddiem lil dawk kollha li jaħdmu fuq din l-inizjattiva.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport