Il-gvern Ingliż ħabbar li l-adolexxenti akbar fl-età fir-Renju Unit se jiffaċċjaw projbizzjoni matul il-lejl fuq il-midja soċjali, għalkemm se jkunu jistgħu jagħżlu li ma jibqgħux jużawh billi jibdlu s-settings tal-profil tagħhom. Dan se jkun ifisser li pjattaformi bħal Instagram, TikTok u YouTube mhux se jkunu disponibbli għal żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena bejn nofsillejl u s-6.00 ta filgħodu.
Il-gvern irid ukoll li karatteristiċi li jsiru “vizzju” bħall-awto-play u l-iscroll infinit jiġu ssettjati b’mod li jiġu diżattivati, biex flimkien mal-projbizzjoni itejbu l-fokus, il-kwalità tal-irqad u l-ħajja tal-familja tal-adolexxenti. Madankollu, il-kritiċi jgħidu li dawn il-proposti huma bla sinsla u opportunità mitlufa għas-sigurtà tat-tfal.
Dawn il-miżuri isegwu t-tħabbira f’Ġnju li għadda li t-tfal taħt is-16-il sena fir-Renju Unit se jkunu pprojbiti għalkollox minn firxa ta’ pjattaformi.
Skont il-ministru tat-Teknoloġija Liz Kendall, il-miżuri proposti se jkunu kruċjali biex jgħinu liż-żgħażagħ jorqdu biżżejjed, jiffokaw fuq it-tagħlim u l-attendenza fl-iskola u l-kulleġġ u jqattgħu aktar ħin ta’ kwalità mal-familja u l-ħbieb, li kollha huma fundamentali għall-bini ta’ ħajja adulta kuntenta, b’saħħitha u sodisfaċenti.
Il-gvern qal li se jkun hemm aktar miżuri mmirati biex jgħinu lit-tfal jużaw iċ-chatbots tal-intelliġenza artifiċjali (AI) b’mod sigur inkluż billi l-fornituri jiġu mġiegħla jintroduċu pawżi regolari għal dawk taħt it-18-il sena.
Tħabbar ukoll li l-gvern se jimmira li jressaq il-miżuri l-ġodda proposti quddiem il-Parlament sa tmiem is-sena 2026, bil-għan li jidħlu fis-seħħ flimkien mal-projbizzjoni fuq il-midja soċjali għal dawk taħt is-16-il sena fir-rebbiegħa li ġejja.
Iżda xi assoċjazzjonijiet u esperti dwar is-sigurtà tat-tfal tefgħu dubju dwar l-effettività jew il-wegħda ta’ projbizzjoni ta’ nofsillejl għall-adolexxenti akbar fir-Renju Unit.
Fost dawn, il-Fondazzjoni Molly Rose, li laqgħet dawn il-miżuri għall-adolexxenti akbar fl-età, sostniet li din l-aħħar mossa hija sett ieħor ta’ inizjattivi frammentati, u mhux il-pjan komprensiv u verament meħtieġ għas-sigurtà tat-tfal.
Qalet ukoll li Sir Keir Starmer se jħalli l-kariga ta Prim Ministru wara li ħabbar projbizzjoni tal-midja soċjali mingħajr ebda pjan u huwa probabbli li s-suċċessur tiegħu Andy Burnham se jiret sensiela ta’ opportunitajiet mitlufa.
Il-Professur Sonia Livingstone, esperta fid-drittijiet diġitali tat-tfal fil-London School of Economics, ukoll ikkummentat fuq dawn il-miżuri u qalet li l-projbizzjoni tista’ tagħmel ħsara lit-tfal vulnerabbli billi jiġi llimita l-aċċess tagħhom għall-midja soċjali meta jistgħu jkollhom l-aktar bżonnha.
