Meta l-Maltin kellhom jemigraw

Aqra wkoll

Lura fis-snin, il-Maltin kellhom imorru lejn artijiet imbegħda, ‘il bogħod mill-familji tagħħom, f’art li kienu semgħu biħa imma qajla kienu jafu fejn kienet. Pajjiżna ma kienx joffri opportunitajiet ta’ xogħol u kien maħkum minn faqar u għaks. Poplu li ma kellux futur f’art twelidu. 

Li titlaq minn pajjiż għall-ieħor ma kienx vjaġġ faċli u wieħed irid iqis li min telaq. kellu diffikulta kbira biex jikkomunika mal-familjari. L-ittri tista’ tgħid kienu l-unika mezz li wieħed seta jibgħat jew jirċievi xi aħbar meta ħafna ma kienux jafu jaqraw u jiktbu u riedu l-għanjuna ta ħaddieħor biex jiktbu jew jaqraw xi ittra. 

Forsi għalina li bil-mezzi li għandna llum inkunu rajna il-pajjiż fejn sejjrin qabel immorru, diffiċli nifħmu xi tfisser li inti titlaq mir-raħal fejn tgħix, tmur il-Port il-Kbir, titla’ fuq vapur u wara ġimgħat fuq dan il-vapur b’kundizzjonijiet xejn komdi ssib ruħek fuq art li m’għandek ebda idea x’se toffrilek. Aktar minn hekk, inti tkun tlaqt minn Malta, il-ftit li jkollok tkun ħadtu miegħek bil-għan li se tibqa’ f’din l-art il-ġdida li dwarha ma taf xejn jew vera ftit. 

Esperjenżi u Rakkonti 

F’Ottubru 2023 kont akkumpanjajt lil President George Vella għal żjara uffiċċjali fl-Awstralja. Apparti l-laqgħat mal-Gvern Awstraljan inkluż il-Prim Ministru Anthony Albanese, żorna lill-kommunitajiet Maltin ta’ Melbourne, Sydney u Adelaide. Il-każini tal-Maltin għadhom attivi anke jekk l-attendenza tagħħom hija minn persuni aktar anzjani li jew kienu dawk li emigraw lejn l-Awstralja jew ulied dawk li marru l-Awstralja. 

Każini li huma mimlija bi tradizzjonijiet u Kultura Maltija li ħadu magħħom bil-għan li jħossuhom f’darhom ‘l bogħod minn darhom. Id-daqq tal-banda b’marċi li ndoqqu fil-festi tagħna, il-pastizzi u l-ħobż biż-żejt, iż-żifna tal-Maltija u saħansitra statwi tal-qaddisin maħduma fuq dawk ta’ pajjiżna. 

Il-Ħamrun Club f’Sydney fih statwa replika mill-isbaħ ta’ San Gejtanu simbolu ċar kemm ‘il Maltin meta marru l-Awstralja riedu li jżommu ħaj dak li ħallew warajhom f’pajjiżħom. Il-ħtieġa li għalkemm jinsabu ‘l bogħod u li se jgħixu f’art imbegħda, jeħtieġu li jibqgħu jiftakru f’dak li kellħom iħallu warajhom. 

Ir-rakkonti tal-Maltin, issa wkoll Awstraljani, ma qatgħu xejn. Tista’ tgħid bosta jibdew billi jgħidulek f’liema belt u raħal kienu joqgħodu u kemm ilhom li marru l-Awstralja. Rakkonti li jtuk perspettiva ta’ xi tfisser li titlaq minn pajjiżek għax trid tfittex futur li f’pajjiżek m’hemmx u dak li trid tgħaddi minnu fl-art il-ġdida. 

Il-Maltin, biex iħossu xi ftit qrib artħom ħassew il-ħtieġa li jgħixu viċin xulxin, jibnu kommunitajiet anke’ bl-għajnuna ta’ qassisin li kienu jakkumpanjawhom, bnew ċentri u knejjes tagħħom. Kollħa bil-għan li għalkemm f’art ġdid ikollhom dak li jżommhom qrib Malta. 

Stejjer koroh 

Il-Maltin dejjem marru l-Awstralja b’mod regolari. Il-Gvernijiet Maltin u l-Gvern Inġliż kienu jaraw l-emigrazzjoni bħala soluzzjoni tan-nuqqas ta’ xogħol f’pajjiżna u kienu jorganizzaw skemi biex il-Maltin jitilqu. Minkejja dan, kien hemm okkażjoni meta għal raġunijiet politiċi fl-Awstralja meta waslu l-Maltin il-Gvern Awstralja kien ra kif jagħmel biex ma jidħlux. 214 Malti kienu telqu minn Malta u meta wasslu sabu skema lesta għalihom biex ma jkunux aċċettati u dan b’riżultat ta’ logħba politika populista. Spiċċaw f’ħabs minkejja li kienu inġarru regolarment u wara xi żmien kellhom imorru f’art oħra. 

Skema oħra li ħolqot stejjer ta’ abbuż u tal-misthija għal min kien ħaseb f’dan il-pjan kienet l-emigrazzjoni tat-tfal. Bejn is-snin ħamsin u l-bidu tas-snin 60 madwar 300 tifel u tifla kienu intbagħtu l-Awstralja waħedhom. Ma akkumpanjawx lil ġenituri jew xi qarib imma intbagħtu lejn l-Awstralja waħedhom, ħallew lil ġenituri tagħħom warajhom hawn Malta u ntbagħtu f’istituti mmexxija minn istituzzjonijiet insara. 

Għalkemm il-ġenituri ta’ dawn it-tfal kienu imwegħda li t-tfal se jingħataw tagħlim u jitħejjew għal futur aħjar, maż-żmien irriżulta li f’dawn l-istituzzjonijiet kienu qed iseħħu abbużi kbar. Kienu qed iseħħu stejjer ta’ orrur li ħallew marki li ma jistgħux jitħassru. 

Din hija ġrajja li bħal donnħa intesiet. Ir-rakkonti li smajt minn raġel anzjan li llum jgħix Malta imma li fi tfulitu kellu jgħaddi minn din l-esperjenza kerha għax xi ħadd organizza imigrazzjoni tat-tfal għandha titfakkar. 

Meta tħares lura 

Bosta Maltin għamlu suċċess kbir u bnew futur fl-Awstralja u f’pajjiżi oħra bħal Canada u l-Amerika. Bosta minn dawk li telqu minn Malta ħallewna imma uliedhom u ulied uliedħom jibqgħu jgħidu li huma ta’ dixxendenza Maltija. Illum pajjiżna qed jilqa’ aktar barranin milli jibgħat Maltin lejn pajjiżi oħrajn. 

Li nifhmu minn x’hiex għaddew il-Maltin fi snin imgħoddija fi żminijiet diffiċli, jagħtina perspettiva differenti dwar kif għandna nifhmu xi tfisser li persuna titlaq minn pajjiżha biex tmur taħdem u tgħix f’pajjiż ieħor anke għal ftit snin. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport