Monday, December 23, 2024

Alfred Sant jitlob lill-Kummissjoni Ewropea timpenja ruħha dwar fond favur intrapriżi żgħar u medji

Aqra wkoll

Il-kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu passi konkreti fosthom skeda ta’ żmien rigward it-twaqqif ta’ fond li jispeċjalizza f’Offerti Pubbliċi Inizjali għal intrapriżi żgħar u medji, proċess ta’ offerta ta’ ishma ta’ kumpaniji privati ​​lill-pubbliku.

Fond bħal dan isostni opportunitajiet ta’ investiment u finanzjament għall- intrapriżi żgħar u medji u jindirizza d-diversi ostakli għall-metodi tagħhom ta’ ġbir ta’ kapital pubbliku u privat. Jista’ wkoll jgħin kumpaniji żgħar anke dawk bi proġetti riskjużi, biex jistimulaw l-investiment.

Alfred Sant kien rapporteur f’isem il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew dwar ir-rapport għal “Żvilupp kontinwu tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali – titjib għall-aċċess għall-finanzjament tas-suq kapitali, b’mod partikolari mill-intrapriżi żgħar u medji, u iktar parteċipazzjoni għall-investitur”.

Mill-pubblikazzjoni tal-ewwel abbozz tar-rapport f’Ġunju 2020, Alfred Sant ħadem fuq titjib fit-test, sabiex jirrifletti t-tħassib ta’ kumpaniji żgħar, biex iressaq investituri lejn is-swieq ta’ ekwità fejn ishma jinħarġu u jiġu nnegozjati u biex ikunu salvagwardjati l-istandards stabbiliti wara l-kriżi finanzjarja tal-2008.

B’segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar żvilupp kontinwu tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-Kummissjoni Ewropea laqgħet il-ħolqien ta’ fond li jispeċjalizza f’Offerti Pubbliċi Inizjali għal intrapriżi żgħar u medji. Madankollu ma kkommettietx ruħha favur proposta tanġibbli jew skeda ta’ żmien għal azzjoni konkreta f’dan ir-rigward.

“It-taħlita ta’ finanzjament ta’ intrapriżi żgħar u medji Ewropej bilkemm inbidlet matul l-aħħar snin u baqgħet dipendenti fuq self bankarju. Ir-rapport dwar it-titjib tal-aċċess għall-finanzjament tas-suq kapitali, b’mod partikolari mill-intrapriżi żgħar u medji, appella b’mod ċar għall-ħolqien u l-prijoritizzazzjoni ta’ fond kbir, privat u pan-Ewropew biex jappoġġja l-finanzjament tal-intrapriżi żgħar u medji”, qal Alfred Sant.

Ekonomija

Sport