Monday, December 9, 2024

2021: Sena ta’ Riġenerazzjoni

Aqra wkoll

Mill-Ministru Miriam Dalli

Inħares lejn is-sena 2021 bħala sena ta’ riġenerazzjoni f’dak kollu li nagħmlu. Dan ifisser li bħala pajjiż inkomplu ngħinu l-ekonomija tirkupra mid-daqqa tal-pandemija. Tul ħidmieti qed niltaqa’ ma’ ħafna li għalihom bħalissa diġa’ huwa żmien diffiċli u jridu jiżguraw ruħhom li se jkampaw fil-futur immedjat. Lil dawn in-nies nifimhom u l-Gvern fassal diġa miżuri li qed jagħmlu d-differenza. Propju għalhekk din il-ġimgħa ħabbarna l-iskema l-ġdida tas-suppliment tal-paga għall-2021, b’mod li l-għajnuna tkun immirata lejn kumpaniji li l-aktar intlaqtu mill-pandemija. Dan il-wage supplement se jibda jingħata wkoll lil sidien ta’ negozji li kellhom ħaddiema li telqu mill-post tax-xogħol volontarjament u ssostitwew lil dawn il-ħaddiema, b’riżultat li kellhom jimpjegaw persuni ġodda.

L-iskema hi mmirata biex tilħaq l-akbar firxa ta’ kumpaniji u mpjegati. Dan ifisser investiment ta’ €120 miljun fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena. Din l-iskema hija riżultat tad-diskussjonijiet li għamilna wara li analizzajna dak li ħadem għan-negozji fix-xhur li għaddew u smajna x’kien qed iħasseb kemm lil dawn is-sidien kif ukoll lill-imsieħba soċjali. L-investiment qed isir biex insalvaw l-impjiegi, b’60% tal-applikanti se jżommu l-istess livell ta’ għajnuna jew saħansitra jirċievu aktar.

Għal kull ewro li ninvestu, irridu nilħqu l-ġid massimu possibbli. Dan ngħidu għax, qabel xejn, wara kull negozju m’hemmx biss qliegħ u numri imma familji tagħna li jridu jaqilgħu l-għixien tagħhom. Konxja wkoll mill-potenzjal li għandhom in-negozji Maltin u Għawdxin biex ikunu innovattivi f’oqsma bħall-enerġija rinovabbli u għalhekk se naħdem biex ninċentivaw dan is-settur.

Flimkien mal-istakeholders qegħdin naħdmu fuq strateġija għal wara Marzu biex inkomplu ngħinu lill-kumpaniji jimxu ’l quddiem u jikbru. Dan minbarra li n-negozji Maltin u Għawdxin qed jirċievu għajnuna permezz ta’ skemi bħal dawk tal-kontijiet tad-dawl u anke’ fuq il-kirjiet.

Malta Enterprise qed taħdem biex tgħin lin-negozji li se jkollhom jagħmlu bidliet ewlenin fil-mod kif joperaw sabiex jindirizzaw l-isfidi tal-lum. Il-Gvern diġà għin lin-negozji jimplimentaw sistemi ta’ teleworking; madankollu numru ta’ negozji, partikolarment intrapriżi żgħar, jista’ jkollhom bżonn assistenza professjonali biex ifasslu strateġiji ġodda u jesploraw soluzzjonijiet teknoloġiċi. Għal dan il-għan, Malta Enterprise qed tipprovdi sa €5,000 għal kull negozju li tippermettilhom jibdew eżerċizzju ta’ reengineering flimkien ma’ kumpaniji approvati. Il-baġit allokat jilħaq €2.5 miljun u jappoġġja l-użu ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi min-negozji tagħna. Dan se jkompli jmexxi lil pajjiżna lejn ekonomija diġitali u se jsostni lil kumpaniji li kellhom jidħlu fi spiża f’dawn iż-żminijiet

Filwaqt li dan kollu huwa essenzjali biex negozji Maltin u Għawdxin isostnu ruħhom, bħala Ministru responsabbli mill-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, irrid nara li nimxu mal-viżjoni ta’ pajjiż li jrid ikun sostenibbli u jikseb in-newtralità tal-karbonju sal-2050. Din se tinvolvi l-kollaborazzjoni sħiħa tal-gvern, l-industrija, negozji privati, u ċittadini. Ir-riġenerazzjoni tagħna mhux se tfisser biss li nkampaw ekonomikament, imma li niffokaw aktar fuq sorsi rinnovabbli tal-enerġija.

Irridu nesploraw l-alternattivi kollha possibli biex inkunu f’pożizzjoni li nużaw l-aktar enerġija nadifa: kemm bħala ċittadini privati kif ukoll bħala industrija. Għalhekk irridu niżguraw li l-għażliet kollha li qed nanalizzaw huma kemm sostenibbli kif ukoll profittabbli.

Il-miri li rridu nilħqu huma ċari: qed nibbażaw ruħna fuq is-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli li jispjegaw eżattament x’inhu l-bilanċ li jrid jintlaħaq, mhux biss fejn jidħol l-ambjent u l-azzjoni klimatika; imma wkoll fejn jidħlu l-aspett soċjali, l-edukazzjoni, l-ugwaljanza u l-infrastruttura. Issa jifdal biss li nkunu għaqlin fid-deċiżjonijiet li nieħdu fl-immedjat u fil-futur qrib, għaliex dawn jiddeterminaw il-kwalità tal-ħajja li se nkunu qed ngħixu aħna u dawk ta’ warajna.  

Ekonomija

Sport