Wara xhur ta’ stennija, waħda mill-aktar opri artistiċi u devoti għall-komunità Mqabbija, se terġa’ tieħu postha fil-qalba tal-Knisja Parrokkjali. Propju nhar il-Ħadd 14 ta’ Ġunju, il-Vara tal-Madonna tal-Ġilju se terġa’ tiġi ppreżentata lill-pubbliku waqt ċelebrazzjoni speċjali li se timmarka t-tmiem ta’ proġett estensiv ta’ restawr u konservazzjoni professjonali.Dan l-avviment qed issir f’sena tassew speċjali għas-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju, il-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni u l-komunità Imqabbija, hekk kif matulha qed jiġi mfakkar il-150 sena anniversarju minn meta l-istess vara waslet għall-ewwel darba fl-Imqabba fl-1876. Dan l-anniversarju storiku jagħti tifsira aktar profonda lil dan l-avveniment. Din l-opra artistika, maħduma mill-istatwarju Giovanni Darmanin, hija meqjusa bħala waħda mill-isbaħ xogħlijiet tiegħu. Fil-fatt, bosta studjużi jqisuha bħala l-kapulavur li bih ħalla l-akbar marka tiegħu fis-seklu dsatax.Il-valur ta’ din il-vara ma jinsabx biss fl-arti tagħha, iżda wkoll fid-devozzjoni kbira li tħaddan mill-Imqabbin. Fil-fatt, hija waħda mill-ftit vari f’Malta li jinħarġu b’mod proċessjonali darbtejn fis-sena, xhieda tal-għożża speċjali li għandha fil-qalb tal-komunità Mqabbija.Iċ-ċelebrazzjonijiet jibdew fl-10am, b’quddiesa solenni fil-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba. Wara jsir il-kxif uffiċjali tal-vara restawrata flimkien mal-pedestall u l-bankun tagħha, li wkoll għaddew minn interventi estensivi ta’ restawr. Dawk preżenti se jkollhom ukoll l-opportunità jisimgħu aktar dwar il-valur artistiku u storiku ta’ din l-opra tant għażiża.Dan l-avveniment jagħti bidu għal ġimgħa sħiħa ta’ ċelebrazzjonijiet ad unur il-Madonna tal-Ġilju li jilħqu l-milja tagħhom nhar il-Ħadd 21 ta’ Ġunju f’jum il-festa. F’żmien fejn ħafna tradizzjonijiet qed jinbiddlu u jevolvu, avvenimenti bħal dawn ikomplu jfakkruna fil-valur imprezzabbli tal-wirt li rċevejna mingħand missierijietna u fir-responsabbiltà tagħna li nippreservawh bl-aqwa mod sabiex jibqa’ jgħix fil-ġenerazzjonijet futuri.



