Il-Bank of Valletta nieda kampanja mmirata lejn kull min se jsiefer matul dan is-sajf, biex tinċentiva l-ħlas bil-kards ta’ kreditu tal-Visa waqt il-btala, b’ċans li jintrebħu premjijiet marbuta mal-ivjaġġar.
Il-kampanja bl-isem ta’ Spend & Win, se tkun miftuħa bejn il-15 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru 2026, u se tara tliet rebbieħa jirbħu voucher ta’ KM Malta Airlines b’valur ta’ €300 kull wieħed. Klijenti li għandhom credit card personali jridu jwettqu minn tal-inqas għaxar (10) tranżazzjonijiet bil-Visa waqt li jkunu barra minn Malta waqt il-perjodu tal-kampanja, bi spiża globali ta’ mhux inqas minn €300. It-tranżazzjonijiet iridu jikkonsistu f’pagamenti ta’ xirjiet sew permezz tal-kard jew b’kartiera diġitali.
Chris Degabriele, kap tal-BOV eBanking Unit qal li “Permezz tal-kampanja Spend & Win, qed nagħtu xi ħaġa żgħira iżjed lill-klijenti tagħna li jużaw il-Visa barra minn Malta matul dan is-sajf. Sew jekk se jsiefru fuq xi btala qasira jew sejrin fuq xi vjġġ fit-tul, klijenti li għandhom BOV Visa Classic, Skypass, Gold jew Platinum, għandhom iċ-ċans jirbħu voucher tal-ivjaġġar fl-istess waqt li jkunu qed igawdu minn ħlas sigur u konvenjenti waqt il-btala tagħhom.”
Ir-rebbieħa se jittellgħu bil-polza wara l-perjodu tal-kampanja u jiġu infurmati mill-Bank. Klijenti li huma interessati jipparteċipaw, għandhom jirreġistraw fuq www.bov.com/travel-now u minn hemmhekk jistgħu jsibu u jniżżlu t-termini u l-kundizzjonijiet kollha marbuta mal-kampanja.



