Monday, May 13, 2024

All Around Europe 

Aqra wkoll

Nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Mejju, Talk.mt kienet mistiedna għal attività – All Around Europe, organizzata mill-għalliema u edukaturi tal-pre-grade sar-raba’ sena ta’ St. Joseph, Mater Boni Consilii, Paola. Attività ħelwa li kienet taħbat mal-20 sena ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. 

Attività li permezz tagħha għal ftit ħin, sirna tfal. Għal ftit ħin ilbisna iż-żarbun ta’ dawn iċ-ċkejknin u bdejna naraw l-Ewropa minn lenti differenti. Għal ftit ħin, minn dik il-lenti ċkejkna stajna naraw xi tfisser verament Ewropa magħquda. Fil-ftit ħin li qattajna qalb dawk it-tfal waqt li kienu ħerqana jpinġu, ikantaw, iduqu ikel differenti, u jipparteċipaw f’bosta attivitajiet oħra ppreparati mill-għalliema u l-edukaturi taghhom, il-messaġġ fhimnih aktar mit-tfal milli mill-politiċi u l-akkademiċi.

F’dak il-ftit ħin hemm f’dik l-iskola ġewwa Raħal Ġdid, dawk it-tfal fl-innoċenza tagħhom u b’għemilhom, għallmuna t-tifsira ta’ Ewropa msejsa fuq is-solidarjetà, fuq l-ugwaljanza, fuq il-libertà, fuq id-demokrazjia u fuq il-paċi. Mingħajr ma jafu urewna dak li jgħaqqadna u dak li jsaħħaħna rrispettivament mill-ġeneru tagħna, mill-ħsieb politiku tagħna, mit-twemmin tagħna, mir-razza tagħna u minn liema faxxa tas-socjetà nappartjenu. 

All Around Europe ma kinitx biss attività oħra fill-kalendarju tal-iskola St. Joseph, Paola. All Around Europe kienet lezzjoni fuq verament x’inhi l-Ewropa li niffurmaw parti minnha. Lezzjoni ta’ kif jista’ jkollna Ewropa msejsa fuq il-paċi, l-imħabba u r-rispett reċiproku. Lezzjoni ta’ kif jista jkollna Ewropa msejsa fuq is-solidarjetà. Solidarjetà mhux biss bil-kliem imma bil-fatti. Lezzjoni ta’ kif kull wiehed minna għandu verament rwol attiv fl-Ewropa li qed ngħixu fiha. 

Prosit lil St. Joseph, Mater Boni Consilii, Paola, Prosit lil kull ghalliem u edukatur li kien involut f’din l-inizjattiva. Fuq kollox, prosit lit-tfal kollha għat-tagħlima fuq dik li hi l-Ewropa li kull wieħed u waħda minna niffurmaw parti minnha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport