Għadd ta’ nies li nhar it-Tlieta kienu qegħdin jgħumu f’żona qrib Casuzze fin-nofsinhar ta’ Sqallija, raw ammont ta’ boroż li fihom kien hemm flus kontanti. Xi wħud daħħluhom fuq ix-xatt u immedjament infurmaw lill-Pulizija Taljana. Jidher li l-investigazzjonijiet mill-ewwel ikkonċernat dgħajsa li kienet wieqfa ftit il-barra mill-bosta.
Skont il-midja Taljana, b’kollox inġabru madwar €700,000. Mhux magħruf eżattament għaliex id-dgħajsa, li fuqha kien hemm tlett Maltin u tifel żgħir, spiċċat wieqfa barra l-kosta, għalkemm kollox jindika li dan seħħ minħabba ħsarat.
Jidher li l-investigaturi qegħdin jimxu fuq it-teorija li allegatament il-fluw intefgħu fil-baħar meta id-dgħajsa. Kollox jindika li l-irġiel ġew interrogati mill-Pulizija Taljana. Skont il-midja Taljan, l-irġiel inħelsu mill-awtoritajiet Taljani sakemm isiru l-investigazzjonijiet.
L-inċident seħħ nhar it-Tlieta wara nofsinhar ħdejn Casuzze, resort mal-baħar f’Santa Croce Camerina, fil-provinċja ta’ Ragusa. Hu allegat li n-nies abbord tefgħu diversi mazzi ta’ karti tal-flus fl-ilma f’attentat apparenti biex jeħilsu mill-flus kontanti. Dawk li kienu qed imorru l-bajja u raw il-flus f’wiċċ l-ilma ġrew fil-baħar biex jiġbruhom, u għal Xî ħin jidher li kien hemm sitwazzjoni kaotika għall-aħħar. L-awtoritajiet Taljani qalu li kważi l-flus kollha ġew irkuprati. L-operazzjoni involviet il-Gwardja Kostiera, il-Guardia di Finanza, il-Pulizija tal-Istat u l-Carabinieri.
Jidher li sa x’ħin waslu l-Pulizija abbord kien fadal biss persuna waħda, bl-oħrajn kienu niżlu l-art biex ifittxu l-għajnuna.
Bid-dgħajsa tinsab f’idejn l-awtoritajiet Taljan, il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ Ragusa Salvatore Fazzino qal li l-ħsara mekkanika kienet dak li ġabet il-bastiment għall-attenzjoni tal-awtoritajiet.
Hu ddikjara li “kieku kollox kien mexa sew, ma konniex ninterċettawh”. Qal ukoll li l-Gwardja Kostiera kienet irkuprat dak li kien maħsub li kien l-ammont sħiħ ta’ flus kontanti. L-investigaturi issa jridu jistabbilixxu għaliex kien hemm dawk l-ammont ta’ flus fuq id-dgħajsa u x’kien se jsir bihom.
