It-traffikar uman kien minn dejjen theddida għall-umanità. F’dawn l-aħħar snin kompla jkun ta’ theddida mhux biss għal xi ftit pajjiżi imma issa sar fenomenu mmexxi mill-kriminalità organizzata. Kull sena, aktar u aktar vittmi – irġiel, nisa u anki tfal, qed jiġu traffikati, f’distanzi akbar, għal perjodi itwal ta’ żmien u għal profitt akbar. Mill-2020 lil hawn , jirriżulta li kien hemm aktar minn 200,000 vittma globalment, għalkemm l-għadd attwali ta’ każijiet mhux irrapportati huwa maħsub li hu sinifikament akbar.
Propju lbieraħ, it-30 ta’ Lulju immarka l-Jum Dinji Kontra t-Traffikar Uman, ġurnata li tfakkarna f’waħda mill-aktar forma krudili ta’ sfruttament tal-bniedem. It-traffikar uman mhuwiex biss reat serju, iżda ksur gravi tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Eluf ta’ nisa, irġiel u tfal madwar id-dinja jispiċċaw vittmi ta’ sfruttament sesswali, xogħol furzat, skjavitù modern u forom oħra ta’ abbuż li jneħħulhom id-dinjità u l-libertà tagħhom.
It-tema tal-Jum Dinji tat-Traffikar Uman għal din is-sena, kienet ‘Trapped Behind the Scam’, li ffukat fuq il-fenomenu dejjem jikber tat-traffikar ta’ persuni li jiġu mqarqa b’wegħdiet foloz ta’ xogħol u mbagħad jiġu mġiegħla jaħdmu fi frodi onlajn mmexxija minn organizzazzjonijiet kriminali. Sfortunatament, dawn il-vittmi jispiċċaw priġunieri, mhedda u sfruttati biex iwettqu reati kontra r-rieda tagħhom, filwaqt li l-kriminalità organizzata tkompli tagħmel profitti kbar minn fuq it-tbatija tagħhom.
Din il-ġurnata għandha sservi ta’ tfakkira li t-traffikar uman jista’ jolqot lil kulħadd, irrispettivament mill-età jew in-nazzjonalità. Għalhekk hemm bżonn aktar għarfien, edukazzjoni u viġilanza sabiex inkunu kapaċi nagħrfu s-sinjali ta’ sfruttament u nirrappurtaw kull sitwazzjoni suspettuża lill-awtoritajiet kompetenti.
L-appell tagħna huwa biex bħala soċjetà ma nagħlqux għajnejna quddiem din ir-realtà. Għandna nappoġġjaw lill-vittmi, niġġieldu kontra kull forma ta’ sfruttament u nkomplu nsaħħu l-kooperazzjoni bejn il-pulizija, il-ġudikatura, l-entitajiet governattivi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-komunità internazzjonali.
Fl-istess ħin, irridu nkunu aktar attenti għall-perikli tal-internet u tal-midja soċjali, fejn illum il-ġurnata jkun hawn ħafna traffikanti jużaw reklami ta’ impjiegi foloz u metodi ta’ qerq biex jattiraw vittmi ġodda.
Quddiem dan kollu nisħqu fuq l-importanza li nagħmlu l-parti tagħna biex nibnu soċjetà fejn id-dinjità tal-bniedem tiġi mħarsa dejjem. Kull persuna għandha d-dritt tgħix fil-libertà, fis-sigurtà u b’rispett sħiħ għad-drittijiet tagħha.
