Minn Cristian Muscat
MALTA…………….. 1
ĠIBILTÁ………….. 1
F’partita valida minn Grupp D1 tal-UEFA Nations League, wirje ferm pożittiva mit-team nazzjonali Malti ma kinitx biżżejjed hekk kif safa miżmum fi draw ta’ 1-1 minn Ġibiltá, bil-Maltin ipattu qares għal numru ta’ okkażjonijiet li ħolqu, li iżda, naqsu li jisfruttawhom speċjalment fl-ewwel taqsima.
Kienu l-Maltin li ħolqu l-ewwel periklu fit-tmien minuta meta Ilyas Chouaref għadda tajjeb lejn Irvin Cardona li dar mal-markatur dirett tiegħu qabel venven xutt b’saħħu minn pożizzjoni ideali li ntemm ftit għoli.
Fl-14-il minuta Cardona għadda lejn Teddy Teuma li kellu x-xutt mill-viċin salvat minn fuq il-linja fatali minn Julian Valerino.
Fit-23 minuta free-kick insidjuż ta’ Teuma għadda ftit għoli. Minuta wara, il-Maltin resqu viċin iżda Ryan Camenzuli sab lill-goalkeeper, Jaylan Henkins, attent minkejja li f’pożizzjoni ideali.
Il-Malta bdew jirbħu l-inizjattiva u kien territorjalment aħjar bl-avversarji jirtraw lura biex jilqgħu l-pressjoni Maltija u bdew joperaw bil-kontrattakki.
Man-nofs siegħa logħob Teuma għadda tajjeb lejn Chouaref li kellu l-konklużjoni mill-viċin devjata f’corner għal fuq is-saqaf tax-xibka mid-difiża avversarja meta kulħadd ħaseb li l-ballun kien se jimbaram għal ġox-xibka.
Fit-33 minuta, Ġibiltá irrispondew għall-ewwel darba meta l-captain Graeme Torrilla ttanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li ħareġ l-aħjar tal-goalkeeperMalti Henry Bonello, li dawwar f’corner bi bravura.
Malta wieġbet fit-38 minuta metaJospeh Mbong għadda tajjeb lejn Camenzuli bit-tentattiv tiegħu deher destinat għal ġox-xibka iżda l-ballun ħabat ma’ sieq Ethan Jolley bil-goalkeeper Henkins jintefa’ minn tulu u dawwar f’corner.
Fl-44 minuta, il-konklużjoni ta’ Mbong ġiet imblukkat mid-difensur Nicholas Pozo.
Fil-51 minuta, il-Maltin fetħu l-iskor meta mill-cross insidjuż ta’ Ilyas Chouaref, Alex Satariano għamel finta biex ħasad lid-difiża avversarja bil-ballun jasal għand JOSEPH MBONG biex kompla l-ballun għal ġewwa.

Dan il-goal ipprovda injezzjoni morali lill-Maltin u fit-58 minuta, resqu viċin li jirduppjaw l-iksor meta wara li rċieva minn corner ta’ Teuma, Kurt Shaw, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm ftit barra bil-goalkeeper avversarju megħlub għal kollox.
U fl-uniku attakk tagħhom, fil-61 minuta, Ġibiltá kisbu d-draw, meta x-xutt ta’ James Scanlon ħabat ma’ sieq Enrico Pepe bil-ballun jogħla u jiddepożita ruħu fix-xibka, bil-goalkeeper Malti ma seta’ jagħmel xejn.
Fid-89 minuta, il-Maltin kien sfortunati meta d-daqqa ta’ ras ta’ Zach Muscat stampat mal-wieqfa.
Malta: Henry Bonello, Ryan Camenzuli, Kurt Shaw (Zach Muscat 88), Matthew Guillaumier, Joseph Essien Mbong (Paul Mbong 73), Teddy Teuma (Keyon Ewurum 82), Irvin Cardona, Enrico Pepe, Ilyas Chouaref, Juan Carlos Corbalan (Andrea Zammit 88), Alex Satariano (Brandon Paiber 73) – Coach: Emilio De Leo
Ġibiltá: Jaylan Henkins, Ethan Jolley, Julian Valerino, Nicholas Pozo (Han Stevens 86), Daniel Bent, Beranrdo Lopes, Carlos Richards, Kian Ronan, Tjay De Barr, James Scanlon, Graeme Torrilla – Coach: Scott Wiseman
Referee: Antoni Bandic (Bosnja)
assistenti: Damir Lazic, Amer Macic (Bosnja)
Raba’ Uff.: Mateo Musa (Bosnja)
Skorers: J. E. Mbong 53 (M), J. Scanlon 61 (Ġ)
Ammoniti: G. Torrilla (Ġ), I. Chouaref, J. E. Mbong, Z. Muscat (M)





