L-eks Prim Ministru tar-Renju Unit, Sir Keir Starmer, qajjem kemm sensazzjoni ta’ skumdita kif ukoll ammirazzjoni bl-imġiba tiegħu ta’ serviliżmu fir-rigward tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump. Issa, is-suċċessur ta’ Starmer, il-Prim Ministru Laburista Andy Burnham, stqarr f’intervista li se jisfida lil Trump jekk u meta ikun hemm bżonn.
Fl-intervista lill-programm ‘Sunday with Laura Kuenssberg’ fuq BBC One, Burnham stqarr li ma jistax jgħid li f’xi mument mhux se jkollu opinjoni differenti minn ta Trump, jew li se jkollu bżonn jesprimi idea differenti li tkun fl-aħjar interess tal-Gran Brittanja.
Huwa żied jgħid li jrid jiddefendi l-interess nazzjonali tal-pajjiż qabel kull ħaġa oħra. Dan hu dak li hu mistenni minn prim ministru jekk irid iwettaq dan ix-xogħol kif suppost.
Meta mistoqsi għal darba darbtejn jekk kienx jafda lil Trump, Andy Burnham evita l-mistoqsija u wieġeb li d-dinja qed tinbidel u ovvjament wieħed irid jevalwa s-sitwazzjoni hekk kif l-affarijiet jiżviluppaw.
Għalkemm evita li jkun ċar dwar dan il-punt, il-Prim Ministru tar-Renju Unit ma tejjibx iċ-ċansijiet tiegħu li jiftiehem ma’ Trump billi ħatar lil Ed Miliband bħala s-Segretarju (ministru) għall-Affarijiet Barranin.
Meta Donald Trump rebaħ l-elezzjoni fl-2016, Ed Miliband kien iddeskrivih bħala “razzist, misoġinu u persuna li ammettiet li tmiss in-nisa b’mod mhux xieraq” skont ma kien rrapporta The Spectator.
Wara l-attakk fuq il-Capitol fis-6 ta’ Jannar 2021, Burnham stess kien ikkritika lil Trump fuq il-pjattaforma X, fejn stqarr li “kull politiku mir-Renju Unit li ta kas lil Trump għandu jħossu mistħi bħalissa.”
Il-pożizzjoni attwali ta’ Burnham dwar kif għandu jittratta lil Trump hija ferm aktar determinata u qawwija meta mqabbla mal-atteġġjament servili ta’ Starmer – approċċ li fl-aħħar mill-aħħar ma tantx swielu ta’ ġid, hekk kif Trump ikkritikah bl-aħrax dwar il-politika tiegħu rigward l-immigrazzjoni, l-Iran u t-tħaffir għaż-żejt fil-Baħar tat-Tramuntana.
Fir-rigward tat-trattattiva ma’ Trump, jidher li Burnham qed isegwi l-parir tas-Segretarju tad-Difiża li għadu kif ħatar, Wes Streeting, li qabel kien is-Segretarju tas-Saħħa fil-kabinett tal-ministri ta’ Keir Starmer.
F’intervista li kellu ma’ Sky News, Streeting semma bħala eżempju l-mod dirett kif tkellem ma’ Pete Hegseth – is-Segretarju tad-Difiża tal-Istati Uniti – dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit rigward il-gwerra fl-Iran.
Streeting kien ikkwotat li qal li huwa għamilha ċara mas-Segretarju tad-Difiża Amerikan li r-Renju Unit ma appoġġjax l-azzjoni offensiva fl-Iran u mhux se jappoġġjaw ebda azzjoni offensiva fl-Iran. Mandankollu, qal li hemm ħafna affarijiet li t-tnejn jistgħu u għandhom jagħmlu flimkien.
