Sunday, October 27, 2024

AMBJENT RURALI U MARITTIMU GĦAL ULIEDNA

Alicia Bugeja Said
Alicia Bugeja Said
Kandidata Laburista

Aqra wkoll

Fost it-temi l-aktar għal qalbi, l-ambjent rurali u marittimu jiffurmaw parti importanti minn diskussjoni kruċjali, għax hawnhekk qed nitkellmu fuq settur li se jkollu influwenza enormi fuq il-futur ta’ pajjiżna, speċjalment meta naħsbu fl-isfidi li qed tiffaċċja d-dinja – kemm dawk relatati mal-klima kif ukoll fuq binarji oħra. 

Hu kruċjali li bħala Gvern inkomplu ninvestu fil-qasam ambjentali sabiex iva nkomplu nsaħħu l-ekonomija permezz ta’ żvilupp sostennibli. B’dan il mod irridu anke nassiguraw kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi.  Fuq kollox, hawn qed nitkellmu fuq il-pajjiż li rridu nħallu lil uliedna. 

Jiena mill-Imgarr, għext qalb l-għelieqi mal-bdiewa u trabbejt il-Ġnejna mas-sajjieda. Permezz tal-kuntatt kontinwu li żammejt magħhom anke fil-professjoni tiegħi, nifhem sew l-isfidi ta’ dawn is-setturi. Fir-riċerka li implimentajt fl-aħħar 10 snin, dejjem ħareg biċ-ċar il-bżonn li nkomplu ninvestu sabiex nagħtu s-sostenn lis-setturi ħalli jibqgħu reżiljenti quddiem l-bidliet li jaffacjaw, anke bil-miżuri ta’ konservazzjoni tal-ambjent li joħorġu minn diversi liġijiet tal-EU. Nemmen li b’politika inklussiva u realistika għas-sostennibilità tas-setturi, nistgħu noħolqu l-bilanċ neċessarju.

B’dan l-ispunt nixtieq anke nara aktar governanza parteċipattiva fejn jidħlu dawn is-setturi, fejn anke r-riċerka u l-policies ikunu xprunati mas-setturi diversi, iġifieri li naħdmu magħhom f’kull pass tal-policymaking tagħna. Nisimgħu l-mitt idea mingħand l-bidwi, s-sajjied, ir-raħħal u l-baħħar li xogħolhom hu b’konnessjoni mal-ambjent, biex naraw kif nistgħu nilħqu dan il-bilanċ. Politika ta’ konservazzjoni b’konversazzjoni fejn inflasslu mal-poplu, fejn ix-xjentisti jaħdmu mas-settur u mal-politiku fuq pjattaformi inklussivi sabiex naslu għal (i) immaniġġjar tas-sajd li jagħti opportunitatjiet ġodda, (ii) kaċċa sostennibli bi dritt, (iii) aċċess ġust u affordabbli għall-art agrikola, (iv) għat-tnaqqis tat-tniġġis fl-ibħra tagħna speċjalment dak mill-plastik, u (v) għall-iżvilupp ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda bħalma hu l-agrituriżmu fejn is-sotennibilità tas-setturi u l-ambjent jimxu id f’id. 

Dan nemmen li nistgħu nilħquh anke fil-konfini tar-regolamenti Ewropej, bħalma huma l-EU Green Deal, l-Ekonomija Blue u l-Istrateġija Farm2Fork. Għad fadlilna x’nagħmlu u nħares   ‘il quddiem għall-aktar ħidma. Jien kommessa li nibqa naħdem id f’id ma’ kull min jagħti l-kontribut tiegħu f’das-settur, u minn hawn nirringrazzja lil dawk involuti kemm fir-riċerka, fil-policies, NGOs, kooperattivi u organizzazzjonijiet, li jaħdmu għall-politika ambjentali u agrarja u fuq kollox dawk li jiddedikaw ġranet twal fl-għelieqi jew fuq il-baħar sabiex jipprovdulna prodotti friski mill-ambjent Malti. 

Sport