Amnesty International qalet li l-liġi Iżraelita, il-politika u l-prattiċi tagħhom fil-konfront tal-Palestinjani li jgħixu ġewwa Iżrael u t-territorji okkupati jammontaw għal Apartheid. Rapport li ħarġet dan l-aħħar din l-organizzazzjoni jgħid li l-istat Iżraelit qed iwettaq “oppressjoni istituzzjonalizzata u dominazzjoni fuq il-popolazzjoni Palestinjana għall-benefiċċju tal-Lhud ġewwa Iżrael.” Apartheid huwa kkunsidrat bħala delitt kontra l-umanità taħt il-liġi internazzjonali.
Min-naħa tiegħu Iżrael ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u tenna li dawn huma foloz. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ta’ Iżrael akkuża lil Amnesty li qiegħda tirriċikla “gideb, inkonsistenzi u asserzjonijiet infondati li joriġinaw minn organizzazzjonijiet magħrufa li huma kontra Iżrael.” L-istqarrija tkompli tgħid li, “dan ir-rapport iċaħħad lill-Istat ta’ Iżrael mid-dritt li jeżisti bħala nazzjon għall-poplu Lhudi. Il-lingwaġġ estremist u d-distorsjoni tal-kuntest storiku huma ddisinjati biex jiddemonizzaw lil Iżrael u jitfgħu l-ħatab fuq in-nar ta’ kontra l-anti-Semitiżmu.”
It-terminu Apartheid jirreferi għall-politka ta’ segregazzjoni u diskriminazzjoni razzjali li kienet ġiet inforzata mill-gvern ta’ minorità abjad ġewwa n-Nofsinhar tal-Afrika kontra l-maġġoranza tal-poplu ta’ ġilda skura bejn l-1948 u l-1991. B’kollox hemm tliet trattati internazzjonali ewlenin li jipprojbixxu l-Apartheid, fosthom dak tal-1973 magħruf bħala International Convention on the Suppression and Punishment of the Crime of Apartheid. Din il-konvenzjoni tiddefenixxi l-Apartheid bħala “atti inumani li jsiru bil-għan li jistabbilixxu u jżommu dominanza minn grupp razzjoni fuq ieħor u sistematikament joppressawhom.”
Fir-rapport tagħha Amnesty International qalet li “l-frammentazzjoni territorjali” tal-popolazzjoni Palestinjana “sservi bħala l-fondazzjoni tal-oppressjoni u dominazzjoni” fil-konfront tagħhom. Aspetti oħrajn li jsemmi dan ir-rapport huma allegazzjonijiet ta’ ċaħda ta’ nazzjonalità u residenza, restrizzjonijiet severi fuq il-libertà tal-moviment u allegazzjonijiet ta’ teħid deskriminatorju ta’ riżorsi fost l-oħrajn.