Wara t-tieni jum tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Antalya, sitta mis-seba’ plejers Maltin li marru t-Turkija biex jipparteċipaw f’din l-edizzjoni diġà kkwalifikaw għall-fażi li jmiss minkejja li ħafna minnhom għad iridu jilgħabu l-aħħar logħba tal-gruppi li tintlagħab l-Erbgħa.
Brian Cini kien diġà kkwalifika wara li rebaħ l-ewwel żewġ logħbiet tiegħu li saru t-Tnejn. Miegħu issa ngħaqdu Aaron Busuttil, Chris Peplow, Alex Borg, Arthur Cachia u Joseph Casha li t-Tlieta kollha rebħu t-tieni logħba tagħhom tal-gruppi.
Aaron Busuttil rebaħ 3-0 kontra l-Belġjan, Yorrit Hoes biex s’issa huwa l-uniku Malti li ma tilef l-ebda frame. Huwa żamm l-istess forma tal-ewwel jum u fl-ewwel frame wettaq break ta’ 90 punt.
Chris Peplow minkejja li tilef l-ewwel frame kontra ż-żgħażugħ Ukren, Anton Kazakov, irkupra sew biex rebħa tliet frames wara xulxin u rebaħ dan il-konfront 3-1.
Alex Borg u Arthur Cachia kellhom jisfurzaw l-ħames frame biex rebħu l-konfront tagħhom fejn huma għelbu lin-Norveġiż, Erik Dullerud u Nedim Ramic tal-Bosnja Herżegovina rispettivament. It-tnejn prattikament dawru l-logħba favurihom għal fatt li wara it-tielet frame, huma kienu jinsabu 2-1 minn taħt iżda wara li rebħu l-aħħar żewġ frames temmew il-logħba bi skor finali ta’ 3-2.
Joseph Casha li fl-ewwel jum kien tilef l-ewwel żewġ frames pero’ xorta rkupra u ħareġ rebbieħ, fit-tieni logħba tiegħu kontra d-Daniż, Robin Tønnesen deher aktar iffukkat u preċiż u ftit kellu tbatija tant li rebaħ 3-0.
L-uniku Malti li wara t-tieni jum diġá safa eliminat huwa Philip Ciantar li reġa tilef. L-avversarju tiegħu kien Fergal Quinn tal-Irlanda ta’ Fuq li għeleb lil Malti bl-iskor ta’ 3-1.
It-tieni jum għalaq tard bil-konfront li għal minn jirbaħ Grupp C bejn Brian Cini u l-Pollakk, Michał Kotiuk. Eventwalment kien il-Pollakk li ħareġ rebbieħ, 3-2, wara li kellhom jintlagħbu l-massimu ta’ ħames frames.
L-Erbgħa tintemm il-fażi tal-gruppi u l-logħob li fih hemm nvoluti l-plejers Maltin, minbarra li dik Ii ser jilgħab fiha Philip Ciantar, ser jiddetermina min jispiċċa r-rebbieħ fil-grupp. Filgħaxija l-European Billiards & Snooker Association tħabbar l-klassifikazzjoni finali u l-lista ta’ 86 plejer li jkunu kkwalifika għat-tieni fażi. Din il-fażi tkun fuq format ta’ knock out fejn l-aħħar 44 tal-klassifika jilgħabu logħba bejniethom biex it-22 li jikkwalifikaw jingħaqdu mat-42 li ser jgħaddu direttament għar-round tal-aħħar 64.
Il-fażi tan-knock-out tibda l-Ħamis, il-Gimgħa jsir ir-rwand tal-aħħar 16 u l-kwarti finali filwaqt li s-Sibt, fl-aħħar jum tal-kampjonat, jintlagħbu ż-żewġ semi finali u l-finali.
Il-logħob tal-Erbgħa fejn fih hemm nvoluti l-plejers Maltin ser ikun dan:
08:00 | Group I | Chris Peplow | vs | Filip Bermanec (Kroazja) |
08:00 | Group J | Joseph Casha | vs | Sybren Sokolowski (Belġju) |
08:00 | Group N | Aaron Busuttil | vs | Paweł Rogoza (Polonja) |
08:00 | Group O | Philip Ciantar | vs | Noel Németh-Nagy (Ungerija) |
10:00 | Group Q | Arthur Cachia | vs | Andres Petrov (Estonja) |
14:00 | Group AH | Alex Borg | vs | Steven Hallworth (Ingilterra) |
Nota: Il-ħinijiet ta’ din l-iskeda huma skond il-ħin ta’ Malti