Friday, June 19, 2026

Amy Catania … il-futur jidher tassew sabiħ għal waħda mill-aktar stilel żgħażagħ promettenti li għandu l-futbol Malti

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Fl-età ta’ 15-il sena biss, Amy Catania diġà qed titqies bħala waħda mill-aktar talenti promettenti fil-futbol tan-nisa f’Malta. Id-difensur żagħżugħa ta’ Hibernians FC Women kompliet tikteb kapitlu importanti fil-karriera tagħha meta għamlet id-debutt mat-tim nazzjonali tan-nisa ta’ Malta fil-logħba ta’ kwalifikazzjoni Ewropea kontra t-Turkija fil-Centenary Stadium.

Dik il-partita kienet logħba normali fil-kalendarju internazzjonali tat-tim Malti iżda mument li Amy se tibqa’ tiftakar għal ħajjitha kollha. Flimkien mal-kollega tagħha mal-Pawlisti Nyorah Celeste, hija kisbet l-ewwel dehra tagħha mat-tim nazzjonali tal-kbar, pass li jikkonferma l-progress impressjonanti li għamlet f’dawn l-aħħar snin.

L-imħabba ta’ Amy lejn il-futbol bdiet minn meta kienet għadha tifla żgħira. Kien in-nannu tagħha li introduċieha għal dan l-isport u minn hemm ’il quddiem il-futbol sar parti integrali minn ħajjitha. Bil-mod il-mod bdiet turi kwalitajiet tekniċi u tattika li għenuha tispikka fost il-plejers tal-età tagħha.

Fil-kategoriji taż-żgħażagħ, Amy kienet waħda mill-plejers li spiss attiraw l-attenzjoni tal-kowċis nazzjonali. Il-kalma tagħha taħt pressjoni, il-qari tajjeb tal-logħba u l-maturità li turi fil-grawnd minkejja l-età tagħha għamluha element importanti kemm mat-timijiet ta’ taħt is-16-il sena kif ukoll ta’ taħt is-17-il sena ta’ Malta.

Il-progress tagħha ma waqafx hemm. Matul l-aħħar staġuni bdiet tingħata opportunitajiet fit-tim tal-kbar ta’ Hibernians Women, fejn kompliet tikseb esperjenza prezzjuża kontra plejers aktar esperjenzati minnha. Dawn il-wirjiet wasslu biex isimha beda jissemma wkoll barra minn xtutna.

Fil-fatt, Amy kellha l-opportunità tattendi sessjonijiet ta’ taħriġ ma’ Inter Women fl-Italja. Aktar tard, il-klabb Taljan kompla juri interess fil-potenzjal tagħha billi stedinha għal aktar sessjonijiet ta’ taħriġ sabiex isegwi mill-qrib l-iżvilupp tagħha. Esperjenza bħal din hija rari ħafna għal plejer Malti ta’ età daqshekk żgħira u turi kemm il-potenzjal tagħha qed jiġi apprezzat ukoll fuq livell internazzjonali.

Meta tkellimna magħha dwar is-sejħa mat-tim nazzjonali tal-kbar, Amy ma setgħetx taħbi l-ferħ tagħha.

“Meta sirt naf li kont magħżula mat-tim nazzjonali ħassejt emozzjonijiet kbar ħafna. Kont ferħana immens u eċċitata. Kien mument li ħlomt bih għal ħafna snin u meta finalment wasal hekk kif diffiċli għalissa li nispjega bil-kliem dak li ħassejt.”

Hija qalet li fost l-emozzjonijiet kollha kien hemm sens qawwi ta’ kburija.

“Li tirrappreżenta lil pajjiżek huwa wieħed mill-akbar unuri li jista’ jkollu plejer. Kelli sens ta’ kburija enormi. Kont naf li warajja kien hemm il-familja tiegħi, il-kowċis tiegħi, il-klabb tiegħi u dawk kollha li għenuni nasal sa dan il-punt.”

Amy spjegat kif il-preżenza ta’ plejers aktar esperjenzati għenitha tħossha komda mill-ewwel.

“Kelli x-xorti li nkun f’ambjent professjonali ħafna. Kien hemm tim ta’ plejers b’esperjenza kbira li laqgħuni mill-ewwel u għenuni nintegra ruħi fil-grupp. Dan għamilha aktar faċli biex niffoka fuq il-logħba u ngawdi l-esperjenza.”

Wieħed mill-messaġġi li xtaqet twassal kien ta’ ringrazzjament lejn il-kowċ nazzjonali Manuela Tesse.

“Nixtieq nirringrazzja lill-kowċ Manuela Tesse talli emmnet fija u tatni din l-opportunità. Meta kowċ bħalha turi fiduċja fik, dan jagħtik aktar motivazzjoni biex taħdem u tkompli titjieb. Jiena gratissima lejha għal dak kollu li għamlet miegħi.”

Hija qalet ukoll li l-grupp tan-nazzjonal sar bħal familja għaliha.

“Dan it-tim sar parti minni. Minn meta dħalt fil-grupp ħassejtni milqugħa ħafna. Hemm atmosfera sabiħa u kulħadd jaħdem għall-istess għan. Dik hija xi ħaġa li tagħmel differenza kbira.”

Naturalment, minkejja l-età żgħira tagħha, Amy diġà għandha miri ċari għall-futur.

“Wieħed mill-akbar objettivi tiegħi huwa li xi darba nilgħab barra minn Malta. Naf li hemm ħafna xogħol x’nagħmel u ħafna affarijiet x’nitgħallem, iżda din hi waħda mill-ħolm tiegħi. Irrid inkompli naħdem kuljum biex intejjeb il-logħba tiegħi u nara kemm nista’ nasal ’il bogħod.”

L-esperjenza ma’ Inter Women serviet ukoll bħala motivazzjoni kbira.

“Meta tkun f’ambjent ta’ livell għoli bħal dak, tifhem aħjar x’hemm bżonn biex tilgħab professjonalment. Tgħallimt ħafna u kienet esperjenza li għenitni nikber kemm bħala plejer kif ukoll bħala persuna.”

Għalkemm għadha fil-bidu tal-vjaġġ tagħha, Amy tidher determinata li tibqa’ taħdem bl-istess umiltà li wasslitha sa hawn.

“Nemmen li trid tibqa’ taħdem kuljum u qatt ma taħseb li wasalt. Dejjem hemm xi ħaġa ġdida x’titgħallem. Jiena se nibqa’ nagħti l-massimu tiegħi f’kull sessjoni ta’ taħriġ u f’kull partita.”

Id-debutt mat-tim nazzjonali tal-kbar huwa biss l-ewwel pass f’dik li ħafna jemmnu li tista’ tkun karriera brillanti. Bil-kwalitajiet tagħha, il-mentalità professjonali u d-determinazzjoni li turi kuljum, Amy Catania qed tibni futur promettenti ħafna.

Il-partita kontra t-Turkija kienet mument storiku personali għaliha, iżda jista’ jkun ukoll il-bidu ta’ kapitlu ġdid fil-futbol tan-nisa Malti. Għalissa, Amy qed tgawdi kull mument ta’ din l-esperjenza straordinarja, filwaqt li tħares ’il quddiem lejn sfidi ġodda u opportunitajiet akbar.

U jekk il-progress tagħha s’issa huwa indikazzjoni ta’ dak li ġej, il-futur jidher tassew sabiħ għal waħda mill-aktar stilel żgħażagħ promettenti li għandu l-futbol Malti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport