Friday, June 19, 2026

Nyorah Celeste … dan huwa biss l-ewwel kapitlu ta’ storja li għadha qed tibda tinkiteb fil-futbol Malti

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Għal kull plejer tal-futbol jasal mument li jibqa’ mnaqqax għal dejjem fil-memorja tiegħu.

Għal Nyorah Celeste, dak il-mument wasal meta ngħatat l-opportunità li tagħmel id-debutt tagħha mat-tim nazzjonali tan-nisa ta’ Malta fil-partita ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja kontra t-Turkija.

Il-plejer żagħżugħa ta’ Hibernians FC Women ilha għal diversi snin titqies bħala waħda mill-aktar talenti promettenti fil-futbol tan-nisa Malti. Permezz ta’ xogħol kontinwu, dedikazzjoni u determinazzjoni kbira, hija rnexxielha tavvanza mill-kategoriji taż-żgħażagħ sal-ogħla livell tal-futbol internazzjonali.

Imwielda fis-6 ta’ Awwissu 2007, Nyorah bdiet turi l-kapaċitajiet tagħha minn età żgħira. Kienet fost il-protagonisti ewlenin fit-timijiet nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena u ta’ taħt id-19-il sena, fejn kisbet esperjenza importanti kontra avversarji internazzjonali. Fost il-mumenti memorabbli tagħha kien hemm il-gowl li skorjat kontra l-Lussemburgu fl-2023, li kompla jikkonferma l-potenzjal tagħha.

Ma’ Hibernians kompliet tikber bħala attakkanta veloċi, kreattiva u determinata. Il-prestazzjonijiet tagħha fil-kampjonati lokali wasslu biex tkun rikonoxxuta bħala waħda mill-aqwa plejers żgħażagħ fil-pajjiż, u eventwalment kisbet il-premju prestiġjuż ta’ Assikura Women’s Youth League Player of the Month.

Iżda l-akbar premju kien għadu ġej.

Meta saret taf li kienet se tkun parti mill-iskwadra nazzjonali tal-kbar, Nyorah tistqarr li kienet emozzjonata immens.

“Kont kuntenta mmens. Onestament m’hemmx kliem li jista’ jiddeskrivi dak li kont qed inħoss dak il-ħin. Kien mument li ħlomt bih għal snin twal u meta finalment wasal, ħassejtni qisni qiegħda ngħix ħolma.”

Hija tgħid li l-mument kien aktar speċjali għax kien il-frott ta’ ħafna snin ta’ impenn.

“Dak il-ħin fhimt li ħafna mix-xogħol li kont għamilt matul is-snin beda jagħti l-frott. Kienet realtà sabiħa ħafna, iżda wara dik ir-realtà kien hemm ħafna sigħat ta’ taħriġ, ħafna sagrifiċċji u ħafna mumenti diffiċli.”

Fil-fatt, Nyorah ma taħbix li t-triq sal-ogħla livell ma kienet faċli xejn.

“Ma kienet faċli xejn. Kien hemm mumenti fejn kelli naħdem aktar minn qatt qabel, fejn kelli taffaċċja sfidi differenti u tibqa’ temmen fik innifsek. Imma kull ostaklu għenni nikber bħala persuna u bħala plejer.”

Id-debutt kontra t-Turkija kien mument li se jibqa’ magħha għal dejjem.

“Meta smajt ismi u dħalt fil-grawnd b’dak il-flokk ta’ Malta fuqi, ħassejt emozzjoni kbira. Dak il-mument se nibqa’ niftakru għal ħajti kollha. Li tirrappreżenta lil pajjiżek huwa l-akbar unur li jista’ jkollu atleta.”

Wieħed mill-fatturi li għenuha tħossha komda kien l-ambjent pożittiv li sabet fit-tim nazzjonali.

“Kont qed nidħol f’tim ġdid għalija, b’ħafna plejers li għandhom esperjenza kbira. Naturalment fil-bidu jkollok ċertu nervi, iżda kollha għenuni ħafna. Laqgħuni tajjeb u għamluli l-affarijiet aktar faċli.”

Hija tgħid li l-għaqda li teżisti fil-grupp hija waħda mill-akbar saħħiet tat-tim.

“Hemm atmosfera sabiħa ħafna. Kulħadd jaħdem għal xulxin u kulħadd għandu l-istess għan. Dan jagħtik aktar kunfidenza u jgħinek tagħti l-aħjar tiegħek.”

Meta mistoqsija dwar min kellu l-akbar influwenza fil-vjaġġ tagħha, Nyorah kienet ċara ħafna fit-tweġiba tagħha.

“L-ewwel nett irrid nirringrazzja lill-familja tiegħi. Dejjem kienu warajja, kemm fil-mumenti tajbin kif ukoll f’dawk diffiċli. Mingħajr is-sapport tagħhom ma kontx nasal fejn wasalt illum.”

Hija semmiet ukoll il-ħbieb tagħha bħala persuni li dejjem tawha kuraġġ.

“Il-ħbieb tiegħi dejjem kienu hemm għalija. Dejjem tawni l-appoġġ u l-inkoraġġiment li kelli bżonn. Xi kultant kelma waħda ta’ kuraġġ tagħmel differenza kbira.”

Naturalment, ma setgħetx tonqos milli ssemmi lill-kowċis li ħadmu magħha matul il-karriera tagħha.

“Kelli diversi kowċis li emmnu fija matul is-snin u li għenuni nitjieb. Kull wieħed minnhom tani xi ħaġa differenti li għenitni nikber bħala plejer.”

Fost dawn kollha, hija kellha kliem speċjali għall-kowċ nazzjonali Manuela Tesse.

“Nixtieq nirringrazzja b’mod partikolari lill-kowċ Manuela Tesse talli tatni din l-opportunità. Il-fatt li emmnet fija u sejħitli mat-tim nazzjonali hija xi ħaġa li napprezza ħafna. Dik il-fiduċja tagħtik aktar motivazzjoni biex tibqa’ taħdem u tkompli tavvanza.”

Minkejja li għadha fil-bidu tal-karriera tagħha, Nyorah għandha miri ċari ħafna għall-futur.

“Irrid inkompli nitjieb kuljum. Naf li għad għandi ħafna x’nitgħallem u ħafna x’nagħmel biex nasal fejn nixtieq. Għalissa qed niffoka biex inkompli naħdem u nieħu kull opportunità li tiġi quddiemi.”

Hija temmen li l-esperjenza mat-tim nazzjonali tal-kbar hija biss il-bidu.

“Dan huwa pass importanti ħafna għalija, iżda nħares lejh bħala biss il-bidu ta’ vjaġġ ġdid. Irrid inkompli nikber, nitgħallem u nagħmel l-almu tiegħi biex inkun ta’ għajnuna kemm għall-klabb tiegħi kif ukoll għal Malta.”

Meta wieħed jara l-progress li għamlet s’issa, jidher ċar li Nyorah Celeste għandha futur sabiħ quddiemha. It-talent naturali tagħha, flimkien mad-dixxiplina u l-mentalità pożittiva li turi, huma kwalitajiet li jistgħu jwassluha ferm ’il bogħod.

Id-debutt kontra t-Turkija kien il-premju għal snin ta’ sagrifiċċji u ħidma kontinwa. Iżda għal Nyorah, jidher li dan huwa biss l-ewwel kapitlu ta’ storja li għadha qed tibda tinkiteb fil-futbol Malti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport