Ir-rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja ta’ Spanja, Andres Iniesta, irtira mill-football fl-età ta’ 40 sena.
Iniesta huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar players fl-istorja, parzjalment grazzi għas-sħubija f’nofs il-ground li fforma ma’ Xavi Hernandez u Sergio Busquets għal Spanja u Barcelona.
Huwa lagħab 131 darba għal pajjiżu, skorja l-goal tar-rebħa fil-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tal-2010 u rebaħ il-Kampjonat Ewropew fl-2008 u l-2012.
“Qatt ma ħsibt li se jasal dan il-jum. Qatt ma mmaġinajtu,” huwa qal.
“Iva, dan id-dmugħ kollu li xerridt f’dawn il-jiem huwa dmugħ ta’ emozzjoni, ta’ kburija.
“Mhux dmugħ ta’ dwejjaq. Huma dmugħ ta’ dak it-tifel minn belt żgħira bħal Fuentealbilla, li kellu l-ħolma li jkun player tal-football u kisibha wara ħafna xogħol iebes, sagrifiċċju, li qatt ma jaqta’ qalbu, valuri essenzjali f’ħajti.”
Iniesta qatta’ l-maġġoranza tal-karriera tiegħu ta’ 22 sena f’Barcelona wara li ggradwa mill-akkademja tal-club, La Masia.
Huwa għamel id-debutt tiegħu mal-kbar fl-2002 u kompla rebaħ 29 unur, inklużi disa’ titli ta’ La Liga u erba’ titli taċ-Champions League.
Fl-2018 Iniesta ngħaqad mat-team Ġappuniż, Vissel Kobe, qabel ma mar fl-Emirati Għarab Magħquda fl-2023 biex jilgħab mat-team tal-Pro League, Emirates.
Huwa kien runner-up fil-Ballun tad- Deheb tal-2010 u nkluż fil-FIFA Fifpro World 11 għal disa’ snin konsekuttivi bejn l-2009 u l-2017.