Minn Cristian Muscat
Il-Malta Netball Association (MNA) bdiet kapitlu ġdid fl-istorja tagħha bil-ħatra ta’ Anita Mangion bħala President għall-perjodu 2026–2029. Mangion, li għandha madwar 30 sena esperjenza fin-netball, ġiet eletta unanimament mid-delegati waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-assoċjazzjoni, riżultat li fissret bħala wieħed ta’ unur u responsabbiltà kbira.
F’intervista ma’ dan is-sit, Mangion tkellmet dwar l-ambizzjonijiet tagħha, l-isfidi li qed jaffaċċja dan l-isport u l-ħidma meħtieġa biex jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-plejers, kowċis u uffiċjali.
“Kont onorata ħafna bil-fiduċja li wrew fija d-delegati. Li nkun eletta b’mod unanimu jagħtini aktar motivazzjoni biex naħdem favur dan l-isport li tant inħobb. Nemmen li flimkien nistgħu nagħmlu differenza,” sostniet Mangion.
Il-President il-ġdida għandha esperjenza estensiva kemm fuq il-court kif ukoll fl-amministrazzjoni sportiva. Matul il-karriera tagħha kienet plejer fil-kategoriji taż-żgħażagħ, fit-Tieni u l-Ewwel Diviżjoni, irrappreżentat lil Malta u serviet ukoll bħala kowċ, President ta’ klabb u delegata tal-assoċjazzjoni.
Barra minn hekk, Mangion għandha aktar minn għoxrin sena esperjenza fit-tmexxija strateġika u organizzattiva, fosthom 14-il sena bħala direttur fuq bordijiet. Hija wkoll omm ta’ żewġt itfal u temmen li l-esperjenza professjonali u personali tagħha tista’ tgħinha tgħaqqad aktar il-komunità tan-netball.
Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-presidenza tagħha huwa l-iżvilupp taż-żgħażagħ. Mangion temmen li Malta għandha talent konsiderevoli, iżda għad hemm ħafna xogħol xi jsir biex aktar tfal jingħataw l-opportunità li jipprattikaw dan l-isport.
“Meta nħares lejn ix-xena tan-netball f’Malta nara talent kbir. Madankollu, għandna preżenza limitata fl-iskejjel u fil-klabbs. Irridu nilħqu aktar tfal minn età żgħira ħafna u nagħtuhom l-opportunità li jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom.”
Hija spjegat li diġà ttieħdu passi konkreti, fosthom iż-żieda fit-timijiet taż-żgħażagħ, partikolarment fil-kategoriji ta’ taħt it-12 u taħt is-17-il sena.
Qed jitfasslu wkoll pjanijiet biex in-netball jasal f’aktar skejjel, filwaqt li tissaħħaħ il-ħidma teknika mat-timijiet nazzjonali.
Mangion enfasizzat li l-iżvilupp tal-plejers m’għandux ikun limitat għall-aspett tekniku biss, iżda għandu jinkludi wkoll is-saħħa mentali, il-kontroll tal-emozzjonijiet u r-reżiljenza.
F’dan ir-rigward, l-assoċjazzjoni qed tibbenefika minn inizjattivi marbuta max-xjenza sportiva, bl-appoġġ tal-Kumitat Olimpiku Malti u Europe Netball.
Prijorità oħra hija li l-plejers Maltin jingħataw aktar opportunitajiet biex jikkompetu barra minn Malta.
Mangion spjegat li diġà bdiet ħidma biex jiġu organizzati tournaments internazzjonali u biex timijiet barranin jiġu Malta għal logħbiet kontra r-rappreżentattivi nazzjonali.
F’Diċembru hemm ippjanat safar lejn Bristol, filwaqt li l-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni Ewropea ta’ taħt is-17-il sena f’Cardiff hija wkoll parti mill-programm internazzjonali taż-żgħażagħ.
Dawn l-esperjenzi għandhom jgħinu fit-tħejjija għal kompetizzjonijiet futuri, fosthom il-Commonwealth Youth Games tas-sena d-dieħla.
“L-esperjenza internazzjonali hija importanti ħafna. Il-plejers tagħna jridu jiltaqgħu ma’ livelli differenti ta’ kompetizzjoni biex jitgħallmu, jikbru u jtejbu l-prestazzjonijiet tagħhom.”
Minkejja l-entużjażmu, Mangion ma ħbietx li n-netball Malti qed jaffaċċja diversi diffikultajiet, partikolarment fejn jidħlu l-finanzi, ir-riżorsi u l-faċilitajiet sportivi.
Hija spjegat li xi timijiet qed ikollhom jitħarrġu darba fil-ġimgħa biss minħabba n-nuqqas ta’ spazji disponibbli, filwaqt li l-użu ta’ faċilitajiet privati jinvolvi spejjeż konsiderevoli.
“Ma nistgħux nitkellmu dwar żvilupp professjonali jekk ma jkollniex faċilitajiet adegwati u siguri. It-timijiet qed jikbru, iżda l-ispazji għat-taħriġ mhux dejjem huma biżżejjed.”
Sfida oħra hija l-viżibbiltà relattivament baxxa tan-netball, li tagħmilha aktar diffiċli biex jiġu attirati sponsors u msieħba kummerċjali.
L-assoċjazzjoni għandha komunità ta’ kważi 500 persuna, fost plejers u kowċis, iżda ħafna mill-ħidma amministrattiva u organizzattiva ssir fuq bażi volontarja.
“Għandna kumitat eżekuttiv ta’ disa’ persuni, iżda x-xogħol huwa enormi. Għandna bżonn aktar nies u msieħba li jgħinuna naqsmu r-responsabbiltajiet. Mingħajr il-voluntiera, l-isport ma jistax ikompli jiżviluppa.”
Mangion tkellmet ukoll dwar il-ħtieġa li jissaħħaħ it-taħriġ tal-uffiċjali tal-logħob.
Il-Malta Netball Association diġà bdiet kors għall-umpires bil-għan li jiżdied in-numru ta’ uffiċjali kwalifikati u jitjiebu l-istandards tal-arbitraġġ. Dan sar possibbli grazzi għall-kollaborazzjoni ma’ Europe Netball, SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti (MOC).
Fl-istess waqt, hija qalet li qed tinnota titjib fil-livell tal-kampjonat domestiku, speċjalment fl-Ewwel Diviżjoni, fejn l-esperjenza ta’ plejers li jikkompetu barra minn Malta qed tgħin biex jogħla l-livell tekniku.
Il-format tal-kampjonat ukoll għadda minn ċerti bidliet bil-għan li l-kompetizzjoni tkompli tiżviluppa.
Aspett importanti fil-viżjoni ta’ Mangion huwa li n-netball ikun sport aktar inklussiv, miftuħ għal kulħadd irrispettivament mill-età jew is-sess.
Hija semmiet inizjattiva li fiha subien u bniet lagħbu flimkien, esperjenza li tixtieq terġa’ tiġi organizzata u eventwalment żviluppata aktar.
“Nixtieq li naraw aktar mixed netball f’Malta. Dan huwa sport għal kulħadd, mit-tfal sal-adulti. Għandna anke eks plejers ta’ madwar 60 sena li għadhom jagħtu kontribut importanti.”
Mangion temmen ukoll li l-organizzazzjoni ta’ tournaments internazzjonali f’Malta tista’ tgħin fl-iżvilupp tat-turiżmu sportiv.
Lejn tmiem l-intervista, Mangion irringrazzjat lill-membri tal-kumitat eżekuttiv, lill-klabbs, lill-plejers, lill-kowċis, lill-umpires u lill-voluntiera kollha li jiddedikaw il-ħin tagħhom għall-iżvilupp tan-netball.
Hija rrikonoxxiet ukoll l-appoġġ ta’ SportMalta, b’ringrazzjament speċjali lill-Kap Eżekuttiv, Mark Cutajar, għas-sapport kontinwu tiegħu, kif ukoll il-kontribut tat-tim tekniku nazzjonali, magħmul minn professjonisti Maltin u barranin.
“Il-viżjoni tiegħi hija li nibnu futur aktar b’saħħtu, inklussiv u sostenibbli. L-isfidi huma kbar, iżda b’enerġija pożittiva, kollaborazzjoni u persistenza nemmen li nistgħu nwettqu ħafna. Dak li nibnu llum għandu jservi lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”
Għal Anita Mangion, il-presidenza mhijiex sempliċement kariga amministrattiva, iżda opportunità biex tkompli tgħaqqad il-komunità u tagħti direzzjoni ġdida lin-netball Malti, biż-żgħażagħ, l-inklużjoni u s-sostenibbiltà fil-qalba tal-ħidma tagħha.




