Friday, December 20, 2024

“Anke meta waqagħli xagħri, ridt xi ħaġa fuq rasi biex norqod”

Anthea Cachia
Anthea Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-Europa Donna Malta – sostenn morali għal kull min jingħaqad magħha

Illum, l-ewwel jum li lkoll madwar id-dinja niżbgħuh roża, il-Pink October. Filwaqt li jġib ħafna dieqa għal dawk li kellhom lil xi ħadd li jħobbu li tilfu ħajjithom kawża tal-kanċer, speċjalment dak tas-sider, mhux kollox huwa negattiv. 

Dan is-sit tkellem ma tliet pilastri fejn jidħol dan il-qasam, Gertrude Abela, Anna Catania u Clare  Busuttil. Dawn it-tliet nisa’ ta’ qalb kbira ddedikaw parti kbira minn ħajjithom jgħinu lil pazjent. Wara kollox, kemm Gertrude u Clare huma pazjenti huma nnifishom. 

Din hija l-ewwel edizzjoni minn serje t’artikli li ser iqajmu kuxjenza dwar dan is-suġġett daqstant sensittiv. Fil-jiem li ġejjin, niltaqgħu m’Anna Catania li taħdem mill-qrib ma’ koppji li nlaqtu mill-kanċer u ħadmet għal numru ta’ snin bħala infemiera ma’ pazjenti bil-kanċer. 

Min hi Gertrude Abela? 

“Jiena pazjenta. Ilni 22 sena minn mindu ġejt iddijanjostikata bil-kanċer tas-sider. Sirt naf li hemm grupp ta’ sapport, dak iż-żmien kien Breast Cancer Support Group. L-ewwel dħalt bl-intenzjoni li nara xi jsir fih u sibtu għax hemm jagħtuk iċ-ċans li titkellem u tgħid l-inkwiet li jkollok. Sintendi jien meta ġejt iddijanjostikata, ma kont naf lil ħadd,” hekk qaltilna Gertrude. 

Hija rrakkontat kif  dak iż-żmien kienu jiltaqgħu il-hospice u saret membru tal-kumitat. Ftit wara kompliet taħdem mal-President li kellna qabel, Jacquie Vassallo. 

“Kienet taħdem ħafna u wieħed irid iqis li dak iż-żmien ma kinitx issuq, ma kienx hawn internet u kienet tmur kullimkien bix-xarabank biex iżżur il-pazjenti, anke ġewwa St Lukes. It-tobba kienu jtuhom iċ-ċans li jitkellmu mal-pazjenti u nfatti kienu jgħidulhom, meta tgħaddi l-operazzjoni, għandkom lil dawn in-nies li jistgħu jgħinukom b’mod aktar differenti. Minn hemm bqajt dejjem involuta,” spjegat Abela. 

Hija kompliet tgħid kif, fl-2008, saret president tal-grupp u sadanittant fl-2004 ingħaqdu bħala grupp ma’ Europa Donna – The european breast cancer coalition, li s-sena l-oħra għalqu 25 sena mwaqqfa. “Bħalissa qiegħdin 47 pajjiż fih. Għamilt sitt snin fuq il-bord ta’ Europa Donna Malta u kont immur għal laqgħat Milan u attendejt ħafna konferenzi.” 

Gertrude spjegat lil dan il-ġurnal li meta tkun qed titkellem fuq oġġett li taf u li għaddejt minnu s-sitwazzjoni hija differenti. Tirrakkonta ukoll kif għamlet madwar għaxar snin voluntiera fl-Isptar Mater Dei.

… Niltaqgħu ma Clare Busuttil 

“Jiena ġejt iddijanjostikata bil-kanċer tas-sider, ta’ 32 sena. Fl-2015, ġejt iddijanjostikata b’kanċer tas-sider sekondarju li kien infirex mal-fwied. Għamilt kimoterapija darba, darbtejn, tlieta. Madankollu xorta waħda għandi ngħix ħajja normali kemm jista’ jkun possibbli.” 

Hija qaltilna li l-aktar ħaġa li taffetwaha hija meta jkollha l-immunità baxxa, “taffetwani ħafna, għax int ma tkunx tista’ toħroġ, ma tkunx tista’ tiltaqa’ mal-ħbieb. Il-Covid-19 affettwatni aktar għax ridna noqgħodu aktar attenti.”

L-irwol ta’ Clare fi ħdan l-Europa Donna Malta huwa ta’ Segretarja u tispjega kif hija flimkien ma’ persuna oħra, msieħba mal-għaqda mhux governattiva (NGO), taħdem  fil-qrib ma’ pazjenti li għandhom kanċer tas-sider sekondarju, magħruf ukoll bħala kanċer metastatiku.

“Dan jiġifieri meta l-kanċer ikun mexa mis-sider għal partijiet oħra fil-ġisem; is-sinsla tad-dahar, il-moħħ, il-fwied eċċ. Minkejja dan, xorta waħda jibqa’ kanċer tas-sider però ikun f’post sekondarju fejn il-kanċer ħalla ċ-ċelloli. Aħna nippruvaw nagħtu s-sostenn u naħdmu ħafna u nkomplu noħolqu aktar tagħrif fuqu,” kompliet tispjega hija. 

Il-Covid-19 kien negattiv, iżda anke pożittiv

Gertrude tispjega kif bil-pandemija, is-sitwazzjoni inbidlet ta’ taħt fuq. Tant hu hekk li kellhom jieqfu wkoll avvenimenti u attivitajiet essenzjali għal din l-NGO u dawk kollha membri tagħha. Gertrude elenkat numru ta’ avvenimenti li torganizza l-NGO. Waħda minn dawn hija proprju ‘The Rita Schembri Memorial Lecture’, li kienet waħda mill-fundaturi tal-Breast Cancer Support Group u kienet minn tal-ewwel li bdiet tiltaqa’ mat-tobba u infermiera biex issaqsi x’għandu bżonn il-pazjent. 

“Minn hemm kienet bdiet tagħmel lectures l-isptar. Jien l-ewwel darba li mort, mort St. Lukes. Kienet diġà ħallietna, iżda kienu komplew bihom. Din bqajna nżommuha dejjem f’Ottubru, b’suġġetti differenti, b’mistidnin minn Malta u anke minn barra. L-aħħar wieħed li sar kien fl-2019,” qalet Gertrude. 

Madankollu baqgħu jagħmlu diversi laqgħat online fejn kienu jattendu numru ta’ nies. 

Avveniment ieħor imfittex u maħbub mill-bosta kienet l-isfilata ‘Look Good Feel Good’. Il-mudelli ta’ din l-istess sfilata kienu jkunu kważi kollha survivors tal-kanċer tas-sider. Gerturde saħqet li, “meta tara wiċċhom fuq il-palk, hija emozzjonali ħafna. Dejjem isaqsuna meta se nerġgħu nibdew, iżda alissa ma nistgħu  nagħmlu xejn.” 

Kif tinbidel ħajtek wara l-kanċer? U r-relazzjonijiet?
Mistoqsija jekk u kif il-kanċer affetwatilhom ir-relazzjonijiet, it-tnejn qablu li minkejja li tadatta għal ħajja ġdida u tipprova tgħixa bl-aħjar mod, ftit jew wisq tinbidel. 

“Xi kultant  jaħsbuni superwoman, li nista’ nlaħħaq ma kollox u nagħmel kollox. Mentri dan mhux il-każ, jien umana. Jiena bħal ħaddieħor”

Clare Busuttil

Clare tispjega kif hija tgħix mal-ġenituri tagħha, “xtaqu li mhux jien għaddejt minn dak kollu.” Tisħaq bi sħiħ, li fejn jidħlu r-relazzjonijiet, jekk relazzjoni tkun soda, mhux se tkissirha, anzi jekk tkun waħda tajba isaħħaħha u jkun hemm aktar kommunikazzjoni. 

“Ir-relazzjoni, kemm ma’ partner kif ukoll mal-ħbieb, tinbidel. Tinbidel għax ikun hemm min jibża jħares lejk jew meta jkellmuk isaqsuk kif tħossok. Il-biża tiġi mill-fatt li hawn nies li jew ma missewiex jew inkella ltaqgħu ma nies li jagħmlu fuss kbir fuq kull ħaġa. Jien minix hekk. Forsi minix xi waħda li nintelaq,” qalet Clare.

Intant hija spjegatli, “ l-ewwel irrid naċċetta jiena u nara jien kif se naffaċċjha l-problema biex umbad inkun nista ngħin lil ħaddieħor jaffaċjha.”

Minn naħa l-oħra, Gertrude tgħid li, “ir-raġel tiegħi kien jagħtini ħafna sapport u għadu s’issa jekk mhux iżjed. Inti terġa tibni l-ħajja mill-ġdid u l-prijoritajiet jinbidlu. Qabel kont tgħid, ‘u issa nagħmlu aktar tard dan l-oġġett’, imma wara tgħid, ‘le hemm bżonn li ssir issa, għax issa hemm iċ-ċans.”

Il-kanċer huwa taboo

“Jiena kelli mastektomijaspjegat Gertrude. U Għalhekk hija tgħid li ċertu lbies kienet tħossha skomdu bih, minkejja li kellha relazzjoni tajba ferm mar-raġel.  “Anke meta waqali xagħri, ridt xi ħaġa fuq rasi biex norqod. Int tiddejjaq tidher quddiem ir-raġel ‘nofsok’. Ma tkunx l-istess. Wara tliet snin kont għamilt rikostruzzjoni tas-sider umbad ħassejtni kompluta erġajt. Allavorja, kont għaddejt minn operazzjoni ta’ disgħa siegħat. Kont kuntenta, irnexxiet, u naħseb li huwa importanti li titkellem mar-raġel jew mara fuq kif  qed tħossok.” 

Bil-kanċer id-dinja ma spiċċatx, qalet Clare. “Illum sar jiġi assoċjat ma’ mard kroniku. Bħal ma sesswalment il-kimoterapija jew kull trattament ieħor jaffettwak, anke l-mardkollu  jaffettwa l kull persuna. Għandna bżonn li neliminawha din it-taboo minn fuqna, bħala pazjenti tal-kanċer. Jiena wara l-ewwel sett tal-kimoterapija ħassejtni ‘super’. Erġajt ħadt saħti, kont immur il-gym  xorta, ngħum u għadni nagħmilha s’issa. Għadni kif spiċċajt it-tielet batch tal-kimoterapija. U nipprova ngħix ħajja normali,” saħqet hija. 

Għaldaqstant hija saħqet li bħala pazjenti ma jistgħux jintelqu. “Irridu nħobbu lilna nfusna wkoll. Jien għalijja dik vera importanti. Importanti li tieħu ħsieb tiegħek innifsek. Illum jiena single imma xorta nieħu ħsieb tiegħi innifsi u nieħu ħsieb li nieħu ħsieb tiegħi innifsi. Għaliex le?”

Żiedet tgħid li fuq dan ir-rigward, anke s-saħħa mentali taffetwa meta tieħu ħsieb tiegħek innifsek. “Għadna ħirġin mill-Covid-19. Mela sħabi tax-xogħol kulħadd jgħidulek ‘ma nbiddlux nibqħgu bil-pyjama’. Jiena nara x’nagħmel biex kif inqum inbiddel. Jiġu ġranet li noqgħod biha imma importanti li tagħmel ħiltek biex tgħix il-ġurnata mhux toqgħod tintelaq.” 

Aħna Malta vera xxurtjati

Ilkoll qablu li pajjiżna huwa veru xxurtjat. “Minkejja li aħna żgħar, bħala pajjiż, aħna avvanzati ħafna u dan mhux issa biss imma ilha ħafna din,” qalet Gertrude. 

Ma’ dan Clare qablet u żiedet tgħid għalkemm il-pazjenti jaf idumu ftit aktar jistennew biex jieħdu t-trattament, u l-Covid-19 affetwat aktar, “kulħadd jgħaddi mill-istess magna u magni tajbin mhux li xebgħu jintużaw. Inti tirrealizza kemm aħna  avvanzati bħala pajjiż kemm fit-teknoloġija  kif ukoll fil-farmaċewtika. Aħna grati ħafna, speċjalment, aħna tal-kanċer tas-sider fi stadju avvanzat li hemm il-Malta Community Chest Fund li tissapportjana ukoll. Jiġifieri ċertu trattament li ma joffrihx il-Gvern, qed toffrih il- Malta Community Chest Fund u tagħti sapport meta jkunn hemm il-bżonn.” 

“Irrid nagħmel appell…”

Iż-żewġ survivors jappellaw lill-qarrejja kollha li jekk wieħed ġie ddijanjostikat, “forsi jekk huma pazjenti tal-kanċer metastetic, kemm avvanzat jew le, li jixtiequ jkellmuna jistgħu ikellmuna.” 

Fl-aħħar itemmu jgħidu li ma tridx taqta qalbek u li huwa importanti li titkellem ma’ grupp għax taqsam l-esperjenza tiegħek. Clare tgħid kif problema oħra għal pazjent huwa l-aspett finanzarju għax xi kultant jista’ jkun li jkollok tieqaf mix-xogħol. 

“Jiena qatt ma waqaft mix-xogħol. Importanti li meta tiġri xi ħaġa hekk lill-impjegati, dawk li jħaddmu nies magħhom ikunu jistgħu jagħtu allowance li dawn in-nies biex jibqgħu jaħdmu mid-dar. Illum ħafna nisa, koppji u anke  jekk tgħix waħdek jekk tkun xebba jew ġuvni, għandek xi self mill-bank, jew tħallas u t-trattament, allavorja jissapportjak ħafna l-Gvern u aħna tassew grati għalhekk.” 

Xi jmiss għall-Europa Donna Malta?

L-NGO se tingħaqad ma’ ‘Think Pink Europe’ f’Race for the Cure sal-10 ta’ Ottubru. Kawża tal-pandemija u l-miżuri tad-distanza soċjali, mhux se jiġi organizzat ġirja bħas soltu iżda wieħed jista’ jagħżel li jimxi jew jagħmel ġrija b’mod ividiwalijew fi grupp. 

Is-sena l-oħra minkejja l-pandemija, aktar minn 40,000 persuna pparteċipat fl-akbar ġirja fl-Ewropa. Għal aktar informazzjoni u biex wieħed ikun jista’ jirreġistra huwa mitlub  li jodħol fuq www.raceforthecure.eu. Kull reġistrazzjoni tiswa €5 kull parteċipant. 

L-NGO għandha wkoll helpline 24/7 u wieħed jċempel fuq 99994666 jew 99330330 kif ukoll fuq 27204403. Jew inkella tista’ tibgħat email fuq  [email protected]

Ekonomija

Sport