Sakemm iseħħu affarijiet mhux mistennija, Antonio Rudiger mhux se jingħaqad ma’ Real Madrid mingħand Chelsea dan is-sajf.
Rudiger se jkun bla kuntratt fi Stamford Bridge fi tmiem dan l-istaġun u l-player ta’ 28 sena kien ġie msemmi mal-Madrileni.
Jidher improbabbli li se jġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Chelsea. L-aħħar offerta tagħhom, salarju ta’ madwar €8 miljun kull staġun, dejqitu għax kien ifisser li kien se jkun pjuttost lura fl-iskala tal-pagi tal-club.
Id-difensur ċentrali Ġermaniż għandu affezzjoni reali għal Chelsea, iżda qatt ma ħeba l-ammirazzjoni tiegħu għal Madrid. Huwa saħansitra wasal safejn iddiskuta l-mossa ma’ diversi players kurrenti ta’ Real.
Iżda t-taħditiet bejnu u l-ġganti Spanjoli staġnaw. Rudiger irid salarju annwali ta’ madwar €11.25 miljuni, talba li l-ebda club ma wera li lest jaqbel magħha kif inhuma l-affarijiet.
Madrid lanqas m’għandhom bżonn ta’ difensur ċentrali ġdid – is-sħubija attwali ta’ Eder Militao u David Alaba żviluppat f’waħda mill-isbaħ u tikklassifika fost l-aqwa fl-Ewropa.