Thursday, May 1, 2025

Anzjan ikkundannat ħames snin wara li nstab ħati li wettaq atti sesswali fuq tfajla ta’ 17 -il sena 

… Il-Qorti tinnota li fix-xhieda l-akkużat beda jħawwad

Aqra wkoll

Anzjan ta’ 60 sena ġie kkundannat ħames snin priġunerija hekk kif instab ħati li wettaq atti sesswali ma’ tfajla li kellha 17-il sena.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spejgat li l-każ imur lura għal Diċembru tal-2020, meta allegatament l-akkużat Spiridione Camilleri allegatament wettaq atti sesswali, li beżżagħha, żammha kontra l-volontà tagħha u offenda l-pudur b’għemil li sar fil-pubbliku, filwaqt li kien riċediv. 

Il-Pulizija spjegat li  t-tfajla rrapportat li sfat vittma ta’ atti sesswali mill-akkużat. Mal-Pulizija, it-tfajla spjegat kif l-akkużat kien sar midħla tal-familja u kienet issejjaħlu nannu. Stqarret li huwa kien iwassal lilha u lil sħabha anke tard bil-lejl.

Fir-rapport it-tfajla qalet li dakinhar tal-inċident bagħtitlu biex iwassal lill-għarus tagħha minn darha għal daru. Qalet li wara wasslu lill-għarus, fi triqithom f’darha, beda jgħaddi minn toroq differenti u spiċċaw f’post mudlam. 

Qalet li waqaf u sakkar il-karozza. Kompliet tgħid li ħareġ arma “qisha mannara” u għamililha m’għonqha. Qalet li hi kienet lesta li tagħmel li ried basta jneħħi l-arma. Mal-Pulizija, it-tfajla qalet li l-akkużat heddidha “jekk twerżaq darb’oħra nħanxarlek rasek. Hawnhekk toqtol u tidfen, ma jsibukx”.

Intant mal-Pulizija,  l-akkużat qal li t-tfajla kienet tipprovokah u tilbes skullat. Qal li hu bniedem tad-demm u l-laħam bħal kulħadd u li kienet tibgħatlu messaġġi bil-bews. Mal-pulizija ammetta li fi triqithom waqaf Ħal Far u talabha tbusu. Qal li ġibed paletta tal-plastik, li l-vittma ħasbitha arma. Qal li hi għamlet avvanzi sesswali.

Fil-Qorti, Camilleri ċaħad la-kużi kollha miġjuba kontrih  u qal li talabha biss tbusu. Il-Qorti nnotat li fix-xhieda beda jħawwad u staqsietu għala kellu jwaqqaf il-karozza għal bewsa. Il-Qorti nnotat li l-vjaġġ ħa sagħtejn.

Il-Qorti emmnet ix-xhieda tal-vittma u qalet li dejjem kienet konsistenti. Innotat li fil-messaġġi ta’ bejn l-akkużat u l-vittma, l-imputat qatt ma ċaħad li seħħ xi ħaġa ħażina bejniethom. Qalet li hedded minuri sakemm fl-aħħar ħa li ried.

Meta ġiet għall-piena, il-Qorti nnotat li fil-fedina penali ġa kellu każ li kkorrompa minuri fl-2004. Sabet li għandu każijiet oħra ta’ theddid fosthom fil-konfront tal-pulizija. Qalet li l-akkużat għandu karattru qarrieqi u ma jiddejjaqx jagħmel ħsara u jisraq. Qalet li għandu lista twila ta’ reati.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li pprosediet il-każ ikundannatu ħames snin ħabs u ordnatlu jikkumpensa €1,500 lill-vittma. Il-Maġistrat Frendo  ħarġet ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin favur il-vittma u ommha u ordnat ukoll li isem l-akkużat jitniżżel fir-reġistru tal-pedofli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport