Friday, November 15, 2024

Anzjan jingħata sentenza ta’ ħabs sospiża wara li weġġa’ lill-eks martu

Aqra wkoll

Anzjan ta’ 70 sena minn Ħaż-Żebbuġ ingħata sentenza ta’ ħabs sospiża wara li nstab ħati li weġġa’ gravi lil eks martu waqt inċident ta’ vjolenza domestika li kien seħħ f’April tal-2019.

Fil-Qorti l-mara xehdet li l-inċident seħħ waqt li hija kienet se titlaq mid-dar tagħha. Għalkemm l-eks raġel ma kienx għadu jgħix hemm minħabba li kien telaq mid-dar taż-żwieġ, hu kien fuq barra jistennija ħierġa.

Il-mara qalet li hu beda jagħtiha daqqiet bl-addoċċ kif ukoll ta diversi daqqiet fl-istonku. Apparti hekk waqt l-argument hu kisrilha wieħed minn subgħajja hekk kif ipprovat taħrab minn taħt idejh.

It-tabib Espert tal-Qorti Mario Scerri qal li subgħajn il-mara nkiser b’mod li qatt ma jista’ jerġa’ jiġi kif kien.

Rappreżentant tal-Victim Support Unit ta-Pulizija qal li huma kienu qegħdin isegwu lil mara hekk kif kienu nformati li kien hemm il-problemi bejnha u bejn l-eks żewġha. Qal li l-mara kienet qiegħda tibża’ ħafna minnu minħabba li fil-passat kien diġà vjolenti magħha.

Min-naħa tiegħu l-anzjan qal li kienet l-eks mara tiegħu li bdiet tagħtih fuq wiċċu hekk kif qaltlu li mhux se tkun qiegħda tiffirma l-karti tas-separazzjoni. Hu ammetta li kellu żewġ inċidenti oħrajn simili mal-eks martu.

Il-Maġistrat Monica Vella qalet li qatt ma setgħet temmen ix-xhieda tar-raġel u għalhekk dak li ġara ma kienx biex l-akkużat jiddefendi ruħu mill-eks martu.

Kien għalhekk li hu ngħata sentenza ta’ 18-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn kif ukoll inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-eks martu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxi mill-Ispettur Alfredo Mangion filwaqt li l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri mexxew id-difiża. Min-naħa l-oħra l-Avukat Adreana Zammit assistit lill-vittma.

Ekonomija

Sport